Matul dan l-aħħar xahar u nofs, li kienu ddominati mill-kampanja elettorali u l-miġja ta’ Papa Franġisku, il-ħaddiema tad-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni ġabru mal-ħamsin tunnellata ta’ skart.
Id-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni tal-Indafa Pubblika, Ramon Deguara spjega li dawn l-aħħar sitt ġimgħat kienu impenjattivi ħafna għal ħaddiema ta din id-Diviżjoni, fejn apparti r-rutina normali ta’ xogħol ta’ kuljum, sar tindif ukoll wara kull attività politika li ġiet organizzata fosthom miż-żewġ partiti politiċi ewlenin, u wara kull lokalità li żar il-Papa Franġisku.
“Ix-xogħol huwa stmat li f’dawn is-sitt ġimgħat kollha neħħejna madwar ħamsin tunnellata ta’ skart, fejn prattikament kien jikkonċerna kontenituri tax-xorb u affarijiet oħra, iżda xogħol prattikament fit-tindif tat-toroq naħseb li kienet sfida ġdida għalina u tajna riżultati mixtieqa wkoll.”
Id-Direttur Ġenerali qal li wara kull attività li saret f’dawn il-ġimgħat, il-ħaddiema ta’ din id-Diviżjoni kienu ikunu diġà hemm biex jiġbru l-iskart li jkun tħalla, filwaqt li anke jiddiżinfettaw iż-żona.
“Kien isir ippjanar minn qabel, anke nistgħu ngħidu li wara ċelebrazzjoni ta’ elezzjoni ġenerali, li kienet l-akbar waħda li ġġenerat skart, prattikament f’inqas minn erbgħa u għoxrin siegħa qisu xejn ma kien xejn.”
Ramon Deguara qal li f’dawn is-sitt ġimgħat, l-elementi tan-natura ma tantx għenu hekk kif kien hemm irjiħat qawwija li ħakmu n-naħa ta’ fuq ta’ pajjiżna, li wasslu biex jittella’ kwantità kbira ta’ ramel fit-triq mill-bajja tal-Għadira.
Filwaqt li rringrazzja mill-qalb li t-tliet mitt ħaddiem li jaħdmu f’ħinijiet differenti u li wettqu t-tindif ta’ toroq kemm b’mezz manwali kif ukoll b’mezz mekkanizzat, Ramon Deguara qal li din il-ħidma saret flimkien mal-operat normali tad-diviżjoni, li jinkludi t-tindif regolari fit-toroq u l-bajjiet.
Hu rrikonoxxa li l-pubbliku qed juri apprezzament għax-xogħol li twettaq f’dan iż-żmien.