Matul din is-sena pajjiżna mistenni jara investiment ta’ madwar €200 miljun.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri saħaq li għal din is-sena hu maħsub li jkun hemm 19-il proġett ta’ espansjoni u b’hekk se jinħolqu 800 impjieg.
Il-Ministru Schembri qal li l-kumpaniji lokali se jkollhom mal-102 proġett ta’ espansjoni.
Fost il-proġetti ssemmew l-investimenti tat-Toly li jlaħħaq l-€20 miljun, it-tieni fażi tal-proġett tal-Playmobil li jlaħħaq id-€49 miljun, it-Trelleborg u l-Methode li qed jinvestu €34 miljun kull wieħed.
Dan filwaqt li SR Technics u l-Lufthansa Technik qed jinvestu €35 miljun u €25 miljun rispettivament.
Il-Ministru Silvio Schembri qal li dawn l-investimenti diġà tħabbru u l-proġetti għandhom jitlestew fis-sentejn li ġejjin.
Fost il-kumpaniji lokali li l-Ministru ddeskrivihom bħala tessut tant importanti fl-ekonomija Maltija hemm bosta li qed jimirħu u jinvestu f’oqsma differenti.
“Dan huwa l-ikbar programm ta’ investiment għall-pajjiżna fl-istorja.” saħaq il-Ministru li spjega wkoll kif l-istrateġija ekonomika tagħna hija li nkomplu niddiversifikaw f’niċċeċ differenti, ninċentivaw l-investiment u nindirizzaw sfidi differenti li jfeġġu minn żmien għal żmien.
Silvio Schembri qal li huwa importanti li nikkummerċjalizzaw il-kreattività biex ikollna iżjed start-ups u kultura intra-prenditorjali.
“Dan l-investiment kollu qed isir fi sfond ta’ ħames rapporti li ħarġu din is-sena u taw ċertifikat eċċellenti lill-ekonomija Maltija.”, saħaq il-Ministru Silvio Schembri.
Qal li l-ewwel aġenzija li tat rating tajjeb ħafna lill-ekonomija Maltija kienet dik ta’ Fitch li tat A+.
Saħaq li imbagħad kien imiss lil DBRS li bħala aġenzija Amerikana magħrufa li ma tħares lejn wiċċ ħadd tat l-ogħla rating lill-ekonomija Maltija.
Segwew Moody’s, il-Kummissjoni Ewropea u fl-aħħar jiem il-Fond Monetarju Internazzjonali.
Il-Ministru Silvio Schembri spjega li l-aġenziji, partikolarment id-DBRS innutaw ritmu ta’ tkabbir ekonomiku u ħolqien tal-ġid fuq medda ta’ 7 snin u mhux f’sena waħda biss.
Il-Ministru għall-Ekonomija nnota wkoll li l-għoli tal-ħajja matul is-sena li għaddiet kienet ta’ 1.5%, li jfisser li din hija pjuttost baxxa għaliex l-Unjoni Ewropea timmira li din tkun ta’ 2%.
Il-Ministru għalaq l-indirizz tiegħu billi saħaq li bħala Gvern se jkompli jiffaċilita n-negozju u għalhekk qed isir eżerċizzju wiesa’ li jirrevedi l-proċess li jinvolvi l-ftuħ ta’ negozju f’pajjiżna, dan sabiex tkompli tinqata’ l-burokrazija.