Minkejja xitwa b’bidu xott u sħun, kollox inbidel din is-sena u dan ix-xahar qiegħed iżomm mal-qawl sinonimu Malti li jgħid li Frar ifawwar u jimla’ l-bjar.
Il-maltempata, bl-isem ta’ Helios bdiet tolqot lil ġżejjer Maltin tard l-Erbgħa filgħaxija hekk kif dipressjoni li kienet tinsab fuq l-Alġerija bdiet taqsam lejn il-Libja u timxi lejn iċ-ċentru tal-Mediterran.
Mis-sigħat bikrin tal-Ħamis filgħodu, riħ qawwi ħafna mil-Lvant għall-Grieg Lvant ħakem lill-pajjiżna tant li f’waqtiet minnhom ir-riħ laħaq il-qawwa ta’ riefnu fl-inħawi fejn jaqbel l-iktar.
Minħabba f’hekk, l-Uffiċċju Metereoloġiku ħareġ twissija oranġjo ta’ riħ qawwi ħafna.
Intant, f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol, l-MFA, ħabbret li numru ta’ partiti li kienu skedati għal-bieraħ u llum ġew posposti u se jkunu qed jintlagħbu f’data oħra.
Dan ir-riħ affettwa wkoll il-baħar, li kien qawwi ħafna għal għoli, b’mewġ li beda jlaħħaq il-ħames metri.
Fil-fatt, il-kumpanija Gozo Channel ħabbret li s-servizz tal-vapur bejn Malta u Għawdex esperjenza dewmien u saħansitra u f’ċertu ċirkostanzi ġie kkanċellat.
Il-meteorologa Martina Grech spjegat li ċ-ċentru ta’ din is-sistema ta’ pressjoni baxxa se jkun l-eqreb lejn il-gżejjer Maltin il-Ħamis filgħaxija u l-Ġimgħa filgħodu.
Il-jum kien ikkaratterizzat minn kesħa u għargħar bit-temperaturi jinħassu fil-livelli ta’ madwar seba’ gradi celsius.
Il-meteorologa Grech spjegat ukoll li fl-aħħar sigħat intlaħaq il-qofol ta’ dak li jidher illi huma l-aktar jiem kesħin u xitwin matul dan l-istaġun hekk kif ix-xita mhux talli bilkemm ma waqfet xejn mill-bieraħ filgħodu, talli kmieni wara nofsinhar illum il-qawwa tax-xita żdiedet sew, kif żdied ukoll ir-riħ.
“Qed nistennew riħ qawwi ta’ Forza 8, jiġifieri qawwa ta’ riefnu, li għandu jkun illum mal-ġurnata biex imbagħad jerġa’ jitla fl-istess livell mal-lejl. Għandu jnaqqas ukoll għada biex jiġi Forza 7. Bħala xita, bażikament, fl-aħħar erba’ u għoxrin siegħa għamlet ammont ta’ xita li s-soltu tagħmel f’xahar sħiħ ta’ Frar.”
Il-maltemp ikkawża wkoll diversi ħsarat f’diversi bnadi madwar il-gżejjer Maltin. Fl-Għarb ,Għawdex, gallarijiet fuq tliet faċċati ta’ binjiet iġġarrfu, bil-konsegwenza li tkissru mas-sitt karozzi li kienu pparkjati taħthom. Fortunatament, ħadd ma weġġa’ f’dan l-inċident, li seta’ kellu konsegwenzi ħafna iktar serji.
Kawża ta’ dan il-maltemp, l-Għaqda tal-Pawlini, flimkien mal-Kapitlu tal-Kolleġġjata ta’ San Pawl Nawfragu tal-Belt Valletta, avżaw li l-attivitajiet esterni tal-Ħamis filgħaxija u tal-Ġimgħa, inkluża il-Purċissjoni Sinodali bil-Vara ta’ San Pawl, ġew kanċellati minħabba l-maltemp. Il-Festa Interna se tkompli kif ippjanat, inkluża it-Translazzjoni Solenni tal-Ħamis u l-Quddiesa Pontifikali tal-10 ta’ Frar.
Nhar is-Sibt waranofsinhar, jekk it-temp ikun jippermetti, jsiru attivitajiet esterni.
Intant, għada wkoll imsemmija x-xita, bir-riħ jibqa’ jkun qawwi ħafna u t-temperatura tibqa’ simili għal dik tal-Ħamis.
“Għal għada qed nistennew bejn wieħed u ieħor l-istess temp li għadna llum, jiġifieri riħ qawwi u xita. Ovvjament, wieħed irid joqgħod attent mill-kosta, speċjalment in-naħa tal-Grigal ta’ Malta. Imbagħad, għall-weekend, qed nistennew temp aħjar fejn ir-riħ għandu jnaqqas, fejn se jiġi għal Forza 5 għal 6 s-Sibt u anke Forza 2 jew 3 għall-Ħadd.”
Intant, il-Ministru għall-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela, u l-Ministru responsabbli mill-Inkużjoni, Julia Farrugia Portelli, ħabbru li l-ħaddiema li joqogħdu Għawdex u li jaħdmu fid-djar tal-anzjani jew fl-Aġenzija Sapport f’Malta għandhom jaħdmu minn Għawdex stess.