“Matthew the young aviator”. Dan huwa l-isem tal-Youtube Channel taċ-ċkejken Matthew Fenech, li f’jum għeluq sninu, iltqajna miegħu f’Ħal Safi fejn iqatta’ ħafna ħin jara l-ajruplani telgħin u neżlin.
Ta’ 9 snin, Matthew għandu passjoni kbira lejn l-ajruplani, u jitkellem dwarhom mhux biss b’imħabba imma wkoll b’ċertu għarfien dwar is-suġġett.
Kollox beda minn logħba fuq il-mobile meta kellu biss 3 snin.
Matthew qal ma’ crew ta’ ONE News: “Bdejt minn logħba tal-Android li niżżilli missieri u nħobb l-ajruplani jinteressawni ħafna.”
Matthew jispjega li bil-logħba tgħallem biss affarijiet bażiċi fl-avjazzjoni, bħat-tlugħ u l-inżul tal-ajruplan, imma mbagħad ħadha iktar bis-serjetà meta missieru xtralu flight simulators.
Permezz tagħhom tgħallem kif itajjar u jikkontrolla l-ajruplan, u saħansitra ġibed biżżejjed attenzjoni biex ingħata l-opportunità li f’età daqstant żgħira, itajjar ajruplan minn ġo simulators professjonali f’cockpit.
Matthew kompla jispjega: “Jien kont fuq żewġ simulators. Wieħed l-Emirates Aviation Experience, dak mhux full motion cockpit just ittajjar l-ajruplan, u t-tieni waħda Simliner li jużaw il-professionals, dak qisu l-ajruplani reali.”
Minkejja li għadu żgħir, Matthew diġà siefer ħafna drabi, u qalilna li l-ewwel ħaġa li jagħmel meta jidħol f’ajruplan, hija li jistaqsi lill-bdot jekk jistax jidħol fil-cockpit.
Huwa sostna: “L-ajruplan favorit hu l-A350 dan t’issa għax l-iktar fuel efficient u l-aħjar ajruplan għall-airlines bħalissa għax effiċjenti.”
B’entużjażmu għall-ġejjieni, Matthew qalilna li jinsab determinat li jistudja biex isir bdot: “Jien neħodha challenge imma mbagħad meta nsir Kaptan u nikber iktar fl-iscale, neħodha bħala rutina li nwassal lin-nies lejn id-destinazzjoni tagħhom.”