Waqt serata li ttellgħet ilbieraħ mis-Segretarjat Parlamentari għall-Persuni b’Diżabiltà u Anzjanità Attiva, Matthew Chetcuti kien ir-rebbieħ tal-Premju Soċjetà Ġusta li tonora lil dawk il-persuni li minkejja d-diżabilità tagħhom jittrijonfaw fis-soċjetà bil-kisbiet u ħiliet tagħhom.
Fis-serata tal-bieraħ ukoll Bank of Valletta rebaħ il-premju bħala l-iktar kumpanija li topera b’mod inklussiv. Premjijiet oħra kienu dawk speċjali mogħtija mis-segretarjat parlamentari bħala Premju Perseveranza li ntrebaħ mill-Familja Sultana li tikkonsisti f’familja ta’ żewġ ġenituri Martin u Joanna Sultana, u uliedhom Ernest u Theo, li lkoll huma nieqsa mid-dawl imma xorta jirnexxielhom jgħixu ħajja indipendenti mingħajr assistenza ħlief għaż-żewġ klieb gwida tagħhom Albert u Hollie. Dan il-premju ntrebaħ ukoll minn Robert Vella għall-perseveranza tiegħu li jibqa’ jgħix ħajja indipendenti u pożittiva minkejja d-diżabilità tiegħu.
Din is-sena l-Autism Parents Association iffurmata minn ġenituri bi tfal bl-awtiżmu rebħet l-unur ta’ Premju għal Ħidma fit-Tisħiħ tad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, filwaqt li s-Soċjetà Mużikali La Stella Levantina Santa Marija, Ħ’Attard rebħet il-premju Parteċipazzjoni Attiva fl-Isport, Arti u Kultura. Rebbieħa oħra għall-kisbiet tagħhom kienu Kurt Micallef, li rebaħ il-premju għal Kisba tul il-Ħajja fis-Settur tad-Diżabilità.
Il-premji ngħataw mis-Segretarju Parlamentari għall-Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Anthony Agius Decelis li qal kemm iħossu onorat li din is-sena l-bord tal-għażla mmexxi mill-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità Oliver Scicluna rċieva 30 nominazzjoni, lkoll bi stejjer ta’ persuni b’diżablità li jgħallmuna kif fil-ħajja rridu ngħixu b’mod pożittiv u b’kuraġġ minkejja l-isfidi. Is-Segretarju Parlamentari Agius Decelis qal li l-Premju Soċjetà Ġusta jirrifletti l-ħidma ta’ dan il-gvern li jkompli jaħdem biex il-persuni b’diżabilità jiġu iktar inklużi fis-soċjetà, jitkissru l-barrikati, għaliex fil-verità kif jixhdu l-istejjer ta’ dawk nominati, grazzi għall-perseveranza tagħhom irnexxew, minkejja l-ostakli li sabu. Fakkar kif il-Gvern mhux bil-paroli imma bil-fatti jemmen fis-settur tad-diżabilità u joħlom li tiġi ġurnata fejn il-persuni b’diżabilità tant inkunu integrati li ma jkunx hemm bżonn iktar ta’ segretarjat biex jimbotta għall-kisba tad-drittijiet tagħhom.
Waqt is-serata wkoll tkellem iċ-chairman tal-bord tal-għażla ta’ Premju Soċjetà Ġusta Oliver Scicluna li qal li kull nominazzjoni kellha storja valida ħafna, ta’ nies li jgħallmuna kif bil-perseveranza tasal, anki jekk is-soċjetà tipprova żżommok lura minħabba d-diżabilità.
Il-bord tal-għażla kien iffurmat minn Oliver Scicluna li mexxa l-bord, flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Sapport, is-Sinjura Ruth Sciberras, id-Dekan tal-Fakultà tat-Tisħiħ tas-Soċjetà, il-Professur Andrew Azzopardi, is-Sinjura Olivia Farrugia li tmexxi d-Diviżjoni tal-Inclusive Employment Services f’Jobsplus, u Brandon Pisani.