Tkompli l-esperjenza internazzjonali tal-atleta malti tal-Mixed Martial Arts Matthew Camilleri hekk kif ftit tal-ġranet ilu kiseb rebħa oħra u titlu importanti brittanniku f’avveniment li sar f’Bolton l-Ingilterra.
Camilleri kien qed jiddefendi t-titlu ta’ champion tal-Featherweight li kien rebaħ f’Diċembru li għadda. Il-malti iġġieled kontra l-atleta minn Wales Azi Thomas u ħareġ rebbieħ wara tliet rounds b’deċizjoni mill-judges.
L-avversarju tiegħu għandu esperjenza kbira tant li kien ħa sehem fil-logħob tal-Commonwealth u saħansitra rebaħ il-midalja tal-bronż. Apparti hekk Azi Thomas kellu bosta ġlidiet u rebhħiet f’għad ta’ kompetizzjonijiet tal-MMA.
Camilleri beda tajjeb l-ewwel round u ma tax ċans lill-avversarju. Il-malti kompla jitfa’ taħt pressjoni lil Thomas tant li fit-tielet round, l-atleta minn Wales deher mentalment mhux koncentrat. Camilleri żamm il-pressjoni fuq Thomas biex finalment kiseb ir-rebħa b’deciżjoni mill-judges 30-24.
Matthew Camilleri ilu għal dawn l-aħħar snin jitħarreġ fl-Ingilterra ma’ wħud mill-aqwa atleti u kowċies tal-isport tal-MMA. Qed jimmira li jkompli jilħaq livell dejjem għola f’dan l-isport u d-determinazzjoni tiegħu żgur li se twasslu biex jilħaq din il-mira.