Is-sena 2017 bdiet fuq nota negattiva, hekk kif it-toroq Maltin raw il-mewt traġika taż-żagħżugħ Matthew Azzopardi. Ixxukjati bl-aħbar, dawk li kienu jafu lil Matthew poġġew fuq facebook messaġġi emozzjonali. Kif tidħol fuq il-profil ta’ Matthew, tinnota li l-ewwel ritratt li ssib kien propju l-mutur tiegħu, iżda min qatt kellu jgħidlu li kellu jkun hu r-raġuni li ma jħallihx jara d-dawl tal-2017?
Matthew kien ukoll dilettant tal-karozzi, iżda minn dan kollu jispikkaw il-messaġġi ta’ rispett u ta’ imħabba dwar ommu, fejn iż-żagħżugħ ta’ 26 sena, esprima sens ta’ ringrazzjament għal dak kollu li għamlet miegħu ommu.
Kien ilbieraħ filgħaxija għall-ħabta tal-għaxra neqsin għaxra (2150hrs), li ż-żagħżugħ tilef ħajtu f’inċident fi Vjal l-Indipendenza, il-Mosta.
Mill-ewwel stħarriġ irriżulta li kien seħħ impatt bejn mutur tat-tip Suzuki misjuq minn ġuvni ta’ 26 sena residenti l-Mosta stess u vettura tat-tip Isuzu li kienet qegħda tiġi misjuqa minn raġel ta’ 39 sena residenti Ħad-Dingli.
Membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kif ukoll tim mediku mill-Isptar Mater Dei ġew imsejħa fuq il-post sabiex jassistu lix-xufier tal-mutur. Il-vittma ttieħed l-Isptar Mater Dei sabiex jingħata l-kura meħtieġa iżda sfortunatament aktar tard huwa ġie ċċertifikat mejjet.
Fl-2016, rajna numru ta’ inċidenti fatali li kienu jinvolvu sewwieqa ta’ muturi, bl-ewwel inċident fl-2017 ukoll jaħsad il-ħajja ta’ sewwieq ta’ mutur.