Matthew Abela u Francesca Clark ġew ikkonfermati champions nazzjonali tal-Badminton meta rebħu l-kategoriji rispettivi individwali waqt il-Kampjonati Nazzjonali li saru fi tmiem il-ġimgħa.
Matthew Abela rebaħ il-Kategorija Individwali tal-Irġiel għat-tmien darba fil-karriera, filwaqt li rebaħ ukoll il-kategorija tad-Doppji tal-Irġiel.
Fil-finali Individwali tal-Irġiel, Abela għeleb lil Samuel Cassar bl-iskor ta’ 21-13, 21 15.
Fil-finali tad-Doppji Irġiel, Matthew Abela flimkien ma’ Matthew Galea għelbu lill-koppja Nigel Degaetano u Isaac Ellul bl-iskor ta’ 22-20, 21-12.
Kienu kampjonati ta’ suċċess ukoll għal Francesca Clark li rebħet it-tliet titli prinċipali għat-tielet sena infila.
Clark rebħet il-kategorija individwali tan-Nisa meta fil-finali għelbet lil Lauren Azzopardi bl-iskor ta’ 21-16, 21-14.
Clark rebħet ukoll id-doppji femminili flimkien ma’ Michaela Ellul. Din il-kategorija kienet fuq sistema ta’ Round Robin, bil-koppja Lauren Azzopardi u Elenia Haber jispiċċaw it-tieni.
Clark temmet il-kampjonat bit-tielet unur mirbuħ, dak tal-Mixed Doubles. Flimkien ma’ Samuel Cassar, hija għelbet lill-koppja Elenia Haber u Matthew Abela fil-finali bi skor ta’ 28-30, 21-15, 21-5.