Fi stqarrijal-Bord tal-MATSEC dwar il-listening comprehension tas-SEC tat-Taljan qal li l-marki miksuba mill-istudenti din is-sena jikkomparaw tajjeb mal-marki li nkisbu mill-istudenti s-sena li għaddiet u ta’ qabel. Minkejja dan, il-MATSEC iddeċidiet li tagħti kumpens ta’ 5% fuq il-marka miksuba f’din il-parti tal-eżami.
Wara numru ta’ ilmenti li saru dwar il-kwalità tal-awdjo tal-eżami tal-listening comprehension tas-SEC tat-Taljan, il-Bord tal-MATSEC mill-ewwel beda’ jinvestiga biex tiddetermina l-aħjar azzjoni sabiex jiġi żgurat li l-ebda student ma jiġi żvantaġġat.
L-eżami tas-SEC tat-Taljan jikkonsisti f’erba’ partijiet, li kull waħda minnhom tikkontribwixxi għal marka globali. Dawn huma:
Il-listening comprehesion – 21%
Il-parti orali – 14%
Is-sezzjoni tal-qari – 20%
Il-karta miktuba – 45%
Sabiex il-MATSEC ikollha idea ċara ta’ kif marru l-istudenti fil-listening comprehension, ġie deċiż li jittieħed kampjun rappreżentativ tal-istudenti u t-tali karti jiġu kkoreġuti sabiex b’hekk ikun hemm stampa ċara tal-marki li kisbu l-istudenti. B’kollox ittieħed kampju li jammonta għal 25% ta’ dawk kollha li qagħdu għall-eżami, inkluż studenti Għawdxin.
Il-kumpens se jingħata lill-istudenti Maltin u huwa mibni fuq prinċipju magħruf bħala konsiderazzjoni speċjali, li huwa elenkat fil-manwal tal-Joint Qualification Council tar-Renju Unit.
Din il-konsiderazzjoni speċjali tiġi applikata meta jkun hemm avveniment li huwa lilhinn mill-kontroll tal-istudent, li kellu, jew seta’ kellu impatt fuq il-ħila tal-istudent dakinhar tal-eżami.
Għalkemm dan il-manwal jikkontempla żieda ta’ 1% tal-marki f’każijiet bħal dawn, il-MATSEC iddeċidiet li tagħti l-massimu ta’ 5% lil kull student u dan minkejja li tali persentaġġ jingħata biss f’ċirkustanżi hekk magħrufa bħala eċċezzjonali, u li jirreferu għal sitwazzjonijiet serji ħafna.
Il-MATSEC hija kunfidenti li dan il-kumpens jiżgura li ħadd ma jkun żvantaġġjat.
Minkejja tali kumpens, il-MATSEC għamlet ukoll l-arranġamenti meħtieġa sabiex dawk l-istudenti li jħossu li xorta għandhom jerġgħu jagħmlu din il-parti tal-eżami, jista’ jagħmlu dan, b’mod volontarju, f’sessjoni li se ssir apposta nhar il-Ġimgħa 26 ta’ Mejju 2017.
Meta student jagħżel li jerġa jagħmel l-eżami, il-marka miksuba f’din is-sessjoni tittieħed bħala l-marka finali tal-listening comprehension. Dawk li biħsiebhom jagħmlu dan l-eżami mill-ġdid huma mitluba japplikaw mingħajr ħlas fl-uffiċini tal-MATSEC nhar l-20, 21, 24 jew 25 t’April 2017. Dawk l-istudenti Għawdxin li wkoll jixtiequ jerġgħu jagħmlu l-eżami għandhom japplikaw fiċ-Ċentru tal-Eżamijiet, Victoria fl-istess ġranet.
Il-MATSEC investigat ukoll il-kwalità tal-awdjo użat fl-eżamijiet tal-iSpanjol u l-Ġermaniż u ġie stabbilit li ma kien hemm l-ebda problema u li għaldaqstant m’hemmx lok għal xi forma ta’ kumpens.
Ir-rapport dwar l-investigazzjoni jinstab hawn:
[pdf-embedder url=”http://www.one.com.mt/wp-content/uploads/2017/04/SECItalianLC_report.pdf”]