L-isptar Mater Dei issa huwa l-uniku sptar fl-Ewropa mgħammar bi 3 echocardiograms tal-aħħar teknoloġija.
Ħabbar dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne waqt konferenza tal-aħbarijiet fl-isptar Mater Dei.
Il-Ministru Fearne spjega kif dan l-akkwist qed isir wara li qed isir tibdil massiċċ f’apparat ta’ imaging fl-isptar.
Dr Fearne spjega: “L-investiment fl-echocardiograms huwa parti minn proġett li qed nagħmlu f’dan l-isptar biex indaħħlu makkinarju ġdid u nupgradejaw il-makkinarju li għandna fid-Dipartiment tal-imaging kollu jiġifieri l-MRI, eċċ. Huwa investiment komplessiv inkluż tal-echocardiograms ta’ €5.5miljun.”
Dwar dan l-apparat u l-użu tiegħu, ONE News tkellem mal-Professur Robert Xuereb hekk kif spjega li fl-2019 saru b’kollox 13,500 echocardiogram.
Sostna kif b’dan l-apparat issa l-isptar Mater Dei stabbilixxa ruħu bħala ċentru ta’ eċċellenza u servizz mill-aqwa fil-qasam tal-kardjoloġija hekk kif hu biss għandu dan il-makkinarju mill-istparijiet kollha fl-Ewropa.
Prof. Xuereb fisser: “Huma l-iktar avvanzati li għadhom kemm ħarġu propju ftit ġimgħat ilu. Fil-fatt Malta, l-isptar Mater Dei huwa l-ewwel ċentru fl-Ewropa li għandu dawn it-3 magni tal-echocardiogram.”
Spjega wkoll l-użu ta’ dan l-apparat u l-vantaġġi li għandu fuq echocardiograms aktar antiki.
Huwa sostna: “Kif qed tiffunzjona l-qalb. Jekk hemmx toqob fil-qalb, il-valves kif inhuma, x’tip ta’ intervent għandna bżonn u jekk għandna bżonn intervent s-sizes tad-devices li rridu nużaw għax nistgħu nikkalkulaw b’ħafna iktar preċiżjoni dawn il-magni. Nużawhom ukoll fuq it-tfal u x’mard tal-qalb għandhom biex inkunu nistgħu nikkurawhom.”