L-Awditur Ġenerali ta’ konferma oħra tan-nuqqas ta’ accountability fi żmien amministrazzjoni nazzjonalista. Dan f’investigazzjoni tal-Proġett tal-Isptar Mater Dei mitluba mill-Ministru għall-Finanzi.
L-istqarrija tal-Awditur Ġenerali llejla dwar l-investigazzjoni fil-bini tal-isptar Mater Dei turi li r-rapport li għamel l-istess uffiċju, dwar in-nefqa fil-bini ta’ dan l-isptar, spiċċa ħalla iktar mistoqsijiet milli tweġibiet. Dan għax kif innota l-Awditur Ġenerali nnifsu hemm nuqqas kbir ta’ dokumentazzjoni b’rabta mal-istadji diversi ta’ dan il-proġett. Tant li kien kapaċi joħroġ biss bi stima ta’ kemm sewa dan l-isptar minħabba n-nuqqas ta’ dokumentazzjoni li kien hemm.
Mater Dei beda jinbena fil-bidu tas-snin 90 iżda fetaħ inqas minn għaxar snin ilu. Tant li wħud minn dawk li llum huma fl-ogħla pożizzjonijiet tat-tmexxija nazzjonalista kienu parti mill-gvern li għalaq l-aħħar ftehimiet b’rabta ma’ dan l-isptar.
Saħansitra, Clyde Puli, Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, kien ukoll uffiċjal għoli tal-FMS fi żmien li l-partit tiegħu kien fil-gvern. Illum, l-FMS dabret ċamata kbira għal mod kif aġixxiet f’dak iż-żmien ta’ amministrazzjoni nazzjonalista.
Fir-rapport intqal li “minkejja r-responsabiltà kontinwa tal-FMS għall-immaniġġjar ta’ dan il-proġett, li rat il-bidu tagħha fis-sena 1998 u ntemmet fl-2011, il-Fondazzjoni ma setgħetx tipprovdi d-dokumentazzjoni mitluba, inklużi d-dokumentazzjoni tal-kontabilità u tal-assi fissi tal-proġett.”
Saħansitra l-Awditur Ġenerali qal li dan hu turija ċara ta’ falliment istituzzjonali u negliġenza serja fl-amministrazzjoni ta’ fondi pubbliċi.
Saħansitra l-Awditur Ġenerali lanqas seta’ jgħid jekk inżammux ir-regoli kollha u lanqas jekk meta sar il-ħlas kienx assigurat li l-gvern u għalhekk min ħallas it-taxxa ħa dak li ħallas għalih.
Dan ir-rapport hu xhieda oħra tal-falliment tal-accountability fi żmien il-PN. Mhux ta’ b’xejn li llum għandna surplus u fi żmien il-PN kellna defiċit. Il-PN la hu kredibbli jitkellem dwar is-settur tas-saħħa u wisq inqas dwar kontabbiltà.