L-isptar Mater Dei issa għandu sistema robotika li taħdem bl-intelliġenza artifiċjali u li kapaċi tiproċessa 600 test tad-demm fis-siegħa.
Ħabbar dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne waqt konferenza tal-aħbarijiet fl-isptar Mater Dei hekk kif spjega li din is-sistema nxtrat b’investiment ta’ erba’ miljun u nofs ewro.
Fil-fatt, il-Ministru Fearne spjega kif ta’ kuljum fil-laboratorji tal-isptar Mater Dei, isiru mal-50,000 test. Dan filwaqt li fid-Dipartiment tal-Ħimatoloġija biss, isiru mal-2,300 test kuljum.
B’hekk tenna li din is-sistema ġdida se tkun kruċjali biex twettaq iktar testijiet iżda mhux biss.
Fil-fatt, preżenti għal din il-konferenza, il-Kap tad-Dipartiment tal-Patoloġija, Dr Chris Barbara, spjega kif din is-sistema l-ġdida tiddetermina hija stess jekk hemmx bżonn isiru testijiet addizzjonali fuq ir-riżultati li jkun ħarġu, b’riżultat li dawn isiru wkoll fi żmien qasir għall-benefiċċju tal-pazjent.
Spjega wkoll kif din is-sistema se tkun imqabbda mal-pjattaforma tal-myhealth u sistemi oħra ħalli r-riżultati jkunu aċċessibbli għat-tobba minn postijiet ta’ servizzi tas-saħħa differenti: “Dan il-makkinarju kollu li għandi warajha huwa mqabbad kollu mas-sistema ta’ software li t-tabib jekk hux qiegħed fil-klinika fl-emerġenza, fl-outpatients, fiċ-Ċentri tas-Saħħa jew inkella llum bil-myhealth, qed jara wkoll ir-riżultati f’ħin reali, dak il-ħin stess għax dik hija d-differenza bejn ħajja u mewt.”
Dr Barbara tenna wkoll li d-domanda għat-testijiet tad-demm illum żdiedet sew u b’hekk kien hemm bżonn din is-sistema biex tagħmel tajjeb għad-domanda.
Huwa kkonkluda wkoll billi spjega li l-xjenzati tal-laboratorju bijomediku fl-isptar Mater Dei diġà huma mħarrġa biex jużaw din is-sistema.