Il-Ftehim kummerċjali li ġie ffirmat l-Erbgħa filgħodu mill-kapijiet tal-Unjoni Ewropea, u aktar tard mill-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson se jidħol fis-seħħ mat-tokki ta’ nofsillejl, 11pm ħin Ingliż. Hekk kif fil-jum tal-Erbgħa l-Parlament Ingliż għadda l-ftehim b’maġġoranza ta’ 521 vot favur u b’73 membru parlamentari jivvotaw kontra, biex il-ftehim issa sar parti mil-liġi tar-Renju Unit.
Fl-ewwel kummenti li ta Johnson wera s-sodisfazzjon tiegħu u qal li issa d-destin tar-Renju Unit jinsab f’idejn iċ-ċittadini. Madanakollu, dawk li opponew il-ftehim qalu li r-Renju Unit se jkun agħar milli kien meta kien membru fl-Unjoni Ewropea.
Ir-Renju Unit kien ivvota favur Brexit f’referendum li kien sar fit-23 ta’ Ġunju tal-2016, bil-perjodu tranżitorju ta’ wara Brexit skatta fil-31 ta’ Jannar li għadda. Il-ftehim mal-Unjoni Ewropea intlaħaq eżatt ftit jiem qabel l-aħħar tas-sena, id-data tal-iskadenza tal-perjodu tranżitorju.