Matul l-ewwel sessjoni tal-bord tal-ERA għall-2024, ġie magħruf inħarġu mat-€8,000 f’multi f’erba’ każi differenti ta’ rimi ta’ skart illegali, bħala parti minn investigazzjonijiet fl-impenn tal-awtorità lejn ambjent sostenibbli.
Bl-użu ta’ kameras f’postijiet strateġiċi, uffiċjali tal-ERA qabdu żewġ individwi jarmu barra b’mod illegali kartun u friġġ fl-akkwati tal-Ħandaq f’Ħal Qormi u ġew immultati €1,400.
Każ ieħor involva r-rimi illegali ta’ skart tal-kostruzzjoni, speċifikament rimi ta’ konkos qalb ix-xagħri. Uffiċjali tal-ERA rċievew vidjow mingħand persuna fil-pubbliku li minnu stabbilixxew in-numru tar-reġistrazzjoni tal-vettura. Il-persuna responsabbli ġiet immultata €4,000, filwaqt li kien obbligat inaddaf il-konkos taħt osservazzjoni ta’ uffiċjali tal-ERA.
Żewġ każi oħrajn kellhom x’jaqsmu ma’ ħruq ta’ skart illegali. Individwu ġie mmultat €1,200 talli rema skart maħruq fi skip tal-metall, waqt li f’każ separat f’Ta’ Sannat, Għawdex, inħarġet multa ta’ €1,200 lil persuna li qabbdet skart imħallat u telqet minnufih minn fuq il-post.
L-ERA tħeġġeġ lill-pubbliku biex jirrapportaw kwalunkwe rimi ta’ skart illegali billi jċempel fuq in-numru 2292 3500 jew jagħmel kuntatt permezz tal-portal online ERIS https://cc-eris.eraportal.org.mt/landing.