Matul din is-sena, mistennija jaslu f’pajjiżna mat-tmien mitt elf passiġġier bil-cruiseliners.
Dan ħareġ minn analiżi ddettaljata li għamlet il-gazzetta KullĦadd.
F’intervista mal-Kap Eżekuttiv tal-Valletta Cruise Port, Stephen Xuereb, ġie nnutat li s-sena li għaddiet kienet pożittiva, li matulha pajjiżna rreġistra aktar minn nofs miljun moviment minn passiġġieri.
Dan juri rkupru mid-daqqa tal-pandemija, wara r-rekord ta’ aktar minn disa’ mitt elf moviment bil-cruises fl-elfejn u dsatax.
Dan it-tbassir pożittiv sar fil-ġimgħa li l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika ppubblika ċifri li wrew kif fi Frar li għadda, ġew irreġistrati l-aqwa riżultati fl-istorja tal-industrija turistika lokali, anke aħjar minn dawk rekord fis-sena ta’ qabel il-pandemija.
Fl-istess xahar, anki l-iljieli mqattgħin f’Malta u n-nefqa turistika qabżu r-riżultati miksuba fl-elfejn u dsatax.
Intant, il-Kap Eżekuttiv tal-Valletta Cruise Port għamel referenza wkoll għall-investimnet b’saħħtu li qed isir bħalissa mill-Gvern fil-Port il-Kbir.
Fost dawn hemm il-proġett tal-Grand Harbour Clean Air, li se jkompli jtejjeb il-kwalità tal-arja f’pajjiżna u jagħmel l-operat fil-Port il-Kbir aktar sostenibbli.
Dan il-proġett ta’ kważi €50 miljun konfinanzjat mill-Unjoni Ewropea, se jnaqqas mad-90% tat-tniggis tal-arja mill-vapuri tal-passiġġieri u tal-merkanzija fil-port ewlieni ta’ pajjiżna.
Stephen Xuereb irrimarka wkoll li bħalissa, Infrastructure Malta għaddejja bix-xogħol biex żewġ mollijiet ewlenin: Pinto 4 u 6, jitwessgħu b’medja ta’ 16-il metru.
Dan il-proġett ta’ €25 miljun, se jippermetti li jorbtu cruiseliners kbar mingħajr il-ħtieġa tal-braken li kienu qed jintużaw s’issa.