Il-linja telefonika li nediet il-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali 1772 biex tindirizza s-solitudni fi żmien pandemija, kien l-aktar servizz popolari offrut mill-Fondazzjoni fl-2020 hekk kif daħlu mat-8,000 telefonata.
Dan ħareġ minn rapport annwali tal-Fondazzjoni stess li tnieda l-Ġimgħa fil-preżenza tal-Ministru għall-Ġustizzja Soċjali Michael Falzon.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Alfred Grixti qal li tul din is-sena kien hemm żieda wkoll fit-talbiet għal servizzi ta’ ħarsien tat-tfal, anke grazzi għal qafas regolatorju apposta li daħal fis-seħħ. Dan ra wkoll it-tnedija ta’ servizz ta’ kura alternattiva għat-tfal mill-fondazzjoni stess, apparti l-ftuħ ta’ ċentru tar-riżorsi f’Għawdex.
Huwa qal, “Żidna l-professjonisti li jagħtu l-għajnuna, u żammejna l-lista ta’ stennija f’livell baxx. Ma ngħidx aċċettabbli għaliex qatt mhi, imma żgur li hi taħt kontroll. Bqajna għaddejjin bil-ħidma. Tinstema’ kważi dagħwa ngħidu li ‘business as usual’, imma b’ħafna akar ħsieb ta’ loġistika u sagrifiċċju minn kulħadd.”
Il-Kap Eżekuttiv qal li żdiedu r-riżorsi umani, minn 845 fl-2019 għal 917 fl-2020.
Dan ifisser żieda ta’ 72 impjegat.
Grixti sostna: “Aħna, li kieku m’hemmx il-professjonalità, id-dedikazzjoni u l-impenn tal-professjonisti tagħna ma naħdmux. 78% tal-impjegati jagħmlu xogħol dirett ma’ min ikun talab is-servizz. Li kieku mhux għalihom, dan ix-xogħol ma sarx.”
Il-Ministru Michael Falzon qal li l-Gvern żied in-nefqa fl-FSWS u s-sena l-oħra investa €24 miljun.
Dan meta fl-2019 kienu investiti €19-il miljun.
Il-Ministru Michael Falzon faħħar ir-reżiljenza tas-soċjetà Maltija li baqgħet b’saħħitha kemm fuq livell ta’ saħħa, soċjali u anke finanzjarju.
Huwa stqarr: “Dak jagħmlek kburi għaliex mhux biss qed inħarsu lejn l-isfidi tal-lum imma anke għal sfidi oħra. Dan jagħtina aktar riżultati pożittivi. Din il-ġimgħa ħareġ ukoll studju Ewropew li juri l-poplu Malti hu t-tielet aktar ottimist fil-qasam soċjali. Grazzi għall-ħaddiema tal-FSWS u diversi ħaddiema oħra.”