Tnaddfu u tneħħew mat-800 metru ta’ pajpijiet fuq il-Pont tax-Shell, f’Birżebbuġa, fi proġett li se jkun qed iwassal għar-riġenerazzjoni ta’ dan il-pont fi spazju rikreattiv.
Dawn il-pajpijiet, li kienu jifformaw l-istruttura tas-sistema tad-distribuzzjoni biex jinħatt il-fjuwil fl-Impjant tal-31 ta’ Marzu, li llum ukoll m’għadux jopera wara li ngħalaq erba’ snin ilu.
Ix-xogħol ta’ tindif, li sar mill-Enemalta, se jagħmel spazju għall-parti ta’ proġett mill-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika.
Dan se jikkumplimenta l-proġett, li se jitwettaq ieħor fl-istess lokalità mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi fi ħdan il-Ministeru għat-Trasport, kif imħabbar nhar l-Erbgħa li għadda mill-Prim Ministru Robert Abela, biex jirranġa x-xatt ta’ Birżebbuġa mill-Batterija Ferretti sal-pixxina tal-waterpolo ħalli jitgawda aħjar mir-residenti u dawk kollha li jżuru l-lokalità popolari b’investiment ulterjuri ta’ €12-il miljun.
It-tindif fuq il-pont, li se jkun mibdul f’parti oħra msebbħa, din id-darba mill-aġenzija Project Green, kien wieħed estensiv. Wara li sar risk assessment għat-tneħħija tal-pajpijiet tal-ħadid, li għal snin twal intużaw biex jagħtu l-petrol lill-pajjiż, dawn tnaddfu kompletament u żżarmaw biċċa biċċa minn mal-istruttura tal-pont twil 180 metru.
Fl-aħħar jiem ukoll, l-aġenzija Project Green sejħet laqgħa ta’ konsultazzjoni mar-residenti tal-lokal, fejn spjegat kif, bħalissa, għaddejjin bl-istudji tas-sit biex titkejjel l-istabbiltà tal-istruttura eżistenti mal-moll.
Waqt din il-konsultazzjoni mal-periti, ir-residenti esprimew ix-xewqat tagħhom dwar dan il-proġett, b’ħafna minnhom jirrakkontaw kif il-pont hu parti mill-istorja tal-lokalità.
Il-proġett massiċċ se jwassal ukoll biex il-moll jinbidel f’żona pedonali b’numru ta’ faċilitajiet, li jagħmilha aktar aċċessibbli għas-sajd u l-għawm. L-istruttura se tinkludi aċċess għall-baħar f’forma ta’ deck u taraġ aċċessibbli għall-għawwiema.