Kważi 80% (78.9%) iħossu li l-livell ta’ għajxien tagħhom huwa medju, jiġifieri parti mill-middle class f’pajjiżna. Dan ifisser żieda fuq iż-żewġ studji oħra li saru qabel mill-Istatistiku Dr Vincent Marmarà b’rabta mal-konferenza L-Istat tan-Nazzjon, organizzata mill-Uffiċċju tal-President ta’ Malta. Fil-fatt imqabbel mal-2021, meta sar l-ewwel studju, dawk li jħossuhom li huma parti mill-middle class f’pajjiżna, żdiedu b’aktar minn 3%. Aktar minn 12% iħossu li l-livell t’għajxien tagħhom huwa ogħla mill-medja filwaqt li huma 9% għandhom livell ta’ għajxien inqas mill-medja.
Tliet kwarti tal-Maltin qalu li ma xtaqux li jgħixu f’pajjiż ieħor, bl-Għawdxin l-aktar nies li wieġbu li huma kuntenti li twieldu f’Malta. Kien hemm żieda wkoll f’dak li għandu x’jaqsam ma’ kemm iċ-ċittadini f’pajjiżna jħossu li rnexxew f’ħajjithom. Fil-fatt minn kampjun ta’ aktar minn elf persuna f’dan l-istudju, jirriżulta li aktar minn 70% f’Malta jħossu li rnexxew f’ħajjithom, żieda ta’ kważi 10% meta mqabbel mal-2021. Aktar minn żewġ terzi tan-nies iħossu li huma kuntenti wkoll, kważi fl-istess livell tar-riżultati tal-istudju tas-sena l-oħra u madwar 40% tal-poplu jħoss ukoll li s-sena d-dieħla se jkun qed jgħix aħjar.
L-istudju ta’ Dr Marmarà ħares ukoll lejn aspetti oħra soċjali u ħareġ li l-familja tibqa’ l-aktar punt ta’ referenza b’saħħitha f’pajjiżna fejn il-familja tiġi dejjem l-ewwel għal min ikollu xi sfidi u jkun irid jitkellem fuqhom mal-familja. Anki meta niġu għall-għażliet importanti, l-element tal-familja kien l-aktar b’saħħtu hekk kif din tiġi kkonsultata mill-maġġoranza ta’ dawk li wieġbu għal dan l-istudju.
Meta niġu għall-politika u l-importanza tagħha f’ħajtek, aktar minn 70% wieġbu ħafna u nsomma iżda mbagħad kien hemm żieda ta’ madwar 5%, jiġifieri kwart qalu li ma jagħtux importanza lill-politika f’ħajjithom. Kważi mbagħad 80% ta’ dawk li wieġbu għall-istudju qalu li jiddentifikaw ma’ partit politiku għaliex il-partit jaqbel mal-ideat tagħna. Imbagħad madwar 70% qalu li beħsiebhom jivvuttaw fl-elezzjoni ġenerali li jmiss.
Meta mbagħad niġu għall-midja, kien hemm żieda ta’ 2.5% f’dawk li jħossu li l-midja mhux tiddiskuti suġġetti li jikkonċernaw in-nies. It-televiżjoni baqa’ l-iktar sors li fuqu jiġu segwiti l-aħbarijiet iżda kien hemm tnaqqis ta’ madwar 5% fuq is-sena l-oħra. Aktar minn terz wieġbu li jsegwu l-aħbarijiet minn links tal-online portals fuq il-midja soċjali.
In-nies imbagħad klassifikaw l-ġustizzja bħala l-iktar tema importanti għalihom. Il-festi tal-irħula u l-ibliet huma l-iktar importanti fil-kultura Maltija filwaqt li nkiseb l-ogħla persentaġġ fi klassifikazzjoni medja meta n-nies ġew mistoqsija kemm huma komdi bit-taħlit tal-kulturi. L-istudju staqsa wkoll dwar it-twemmin reliġjuż u 88.5% wieġbu li jemmnu f’Alla, tnaqqis marġinali ta’ 2% fuq l-istudju tas-sena l-oħra. Imbagħad kważi 10% u aktar minn kwart fissru li r-reliġjon mhux u insomma importanti għalihom rispettivament.