Mat-42,000 persuna iżjed irreġistraw mal-iskema tat-Tallinja Card minn nofs Jannar sal-aħħar ta’ Frar, li għaddew, f’perjodu li fih tneħħew l-ispejjeż amministrattivi biex jinkiseb dan id-dokument li jintitola għal vjaġġar b’xejn fuq is-servizzi tat-trasport pubbliku.
Servizzi li, minbarra tal-linja, illum jinkludu wkoll il-ferries fil-portijiet ewlenin tagħna li jaqsmu bejn il-Kottonera u Tas-Sliema għall-Belt Valletta.
Issa jirriżulta li l-kumpanija Malta Public Transport irċeviet interess addizzjonali qawwi sal-ġimgħa li għaddiet biex tinħarġilhom il-card li tintitolahom għal trasport b’xejn.
ONE News hu informat li dan l-ammont, maqsum fuq sitt ġimgħat biss, fisser żieda medja ta’ sebat elef persuna kull ġimgħa. Dan waqt li kien diġà magħruf li, fl-ewwel ġimgħa biss tal-offerta, kienu applikaw aktar minn għaxart elef ċittadin, differenza ta’ elef u erba’ mitt reġistrazzjoni iżjed minn ġimgħa qabel fetħet l-offerta.
Is-servizz għal tal-linja baqa’ jara żidiet sostanzjali sena wara oħra, b’medja ta’ aktar minn erba’ miljun passiġġier fix-xahar.
Bit-Tallinja Card mhux biss tista’ tivvjaġġa fuq tal-linja b’xejn, b’deċiżjoni tal-Baġit sena u nofs ilu, iżda issa minn Jannar li għadda l-Gvern ukoll ħa d-deċiżjoni li din tibda tgħodd għall-qsim bil-baħar bil-ferries, li joperaw fil-Port il-Kbir u fil-Port ta’ Marsamxett bejn Bormla u Tas-Sliema lejn il-kapitali u viċi-versa.
Dawn is-servizzi wkoll esperjenzaw żidiet fl-użu tagħhom mindu ddaħħlet din il-miżura soċjali u ambjentali, li qed tiffranka iżjed vetturi mit-toroq tal-pajjiż.