Mil-lum mat-33,000 ħaddiem tas-Servizz Pubbliku bdew iduqu miż-żidiet, skont l-aqwa ftehim kollettiv li ġie ffirmat għalihom f’Novembru li għadda, hekk kif it-Tnejn daħlitilhom l-ewwel paga għal din is-sena l-ġdida.
Dawn il-ħaddiema qed igawdu mit-titjib qawwi fil-kundizzjonijiet tagħhom għall-ewwel darba wara bosta snin b’investiment ta’ €1.27 biljun fuq perjodu ta’ sitt snin.
Il-ftehim, li kien iffirmat mill-Gvern ma’ għaxar unjins, fil-preżenza tal-Prim Ministru Robert Abela u s-Segretarju Permanenti Ewlieni Tony Sultana, u se japplika mill-bidu ta’ din is-sena sal-aħħar tas-sena 2030, daħħal żidiet bla preċedent fis-salarji, allowances u rati aħjar fil-ħlas tas-sahra.
Dan minbarra li, mill-bidu tas-sena, ukoll bdiet tiġi attwata l-miżura għall-ħaddiema kollha fil-pajjiż bit-tnaqqis fit-taxxa, li se tara mal-€140 miljun jibqgħu fil-bwiet tal-familji Maltin u Għawdxin.
Il-ftehim għall-impjegati tas-Servizz Pubbliku, li mhumiex fuq il-massimu tal-iskala rispettiva tagħhom ġew intitolati wkoll għall-increments, dawk fuq l-inqas skala tal-Gvern se jgawdu minn €1,200 aktar fil-paga minima.
B’dawk fi Skala 20, li hi l-aħħar skala, se jitilgħu għal Skala 19 wara l-ewwel sitt xhur tal-impjieg u, sitt xhur wara, għal Skala 18.
Il-Kap tas-Segretarjat taċ-Ċivil, f’korrispondenza li bagħat lill-ħaddiema kollha t-Tnejn filgħodu, irrimarka li dan it-titjib hu dak li jixirqilhom, hekk kif anke dan l-investiment qed ikun qed isir bħala ringrazzjament għad-dedikazzjoni u l-ħidma kbira li titwettaq b’risq il-pajjiż mid-diversi oqsma.
Sultana kiteb kif dan il-ftehim qed iħares lil hinn minn sempliċi żidiet fil-paga, li qed jingħataw anke wara li diġà kien hemm min gawda minn titjib fis-salarji permezz ta’ ftehimiet settorjali, fosthom mal-infermieri u l-qwiebel, il-Pulizija, il-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili u l-edukaturi.
Kompla billi jgħid li, bil-ftehim bla preċedent, saret ħidma biex tingħata aktar prijorità lill-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja u l-ħarsien tal-benesseri tal-ħaddiema kollha, bit-titjib hu prova ċara tal-impenn tal-Gvern biex tkompli l-ħidma ’l quddiem biex is-Servizz Pubbliku jkompli jagħti servizz ta’ kwalità għal pajjiżna.
Fil-fatt l-istess ftehim għas-Servizz Pubbliku qed idaħħal kunċetti ġodda, bħal-Long Service Bonus.