Skont l-aħħar Ċensiment li sar f’pajjiżna, ir-residenzi primarji f’pajjiżna raw żieda ta’ 41.2% meta mqabbel mal-2011. Kif mistenni, dan kien jiżboq ir-rata ta’ residenzi sekondarji, partikolarment dawk ta’ villeġjaturi, li wkoll raw żieda ta’ kważi 15%.
Iċ-Ċensiment tal-2021, li parti oħra tiegħu ġiet ippubblikata l-Ħamis waranofsinhar, jiżvela wkoll kif f’pajjiżna hawn aktar minn mitejn, sebgħa u disgħin elf (297,304) residenza b’kollox.
Minn dawn kważi tnejn u tmenin elf (81,613) huma sekondarji, jiġifieri li jintużaw bħala villeġjaturi jew huma vakanti.
Ħareġ li l-aktar lokalità li għandha l-akbar numru ta’ residenzi fiha tibqa’ San Pawl il-Baħar, b’total ta’ 23,738, li jagħmlu 8% tat-total tar-residenzi fil-pajjiż.
Dan jirrifletti dak li ħareġ mill-istess ċensiment preċedentement, jiġifieri li l-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar hi l-akbar waħda, b’popolazzjoni li taqbeż it-32,000 persuna.
Meta mqabbel maċ-Ċensiment ta’ għaxar snin qabel, il-lokalitajiet ta’ San Pawl il-Baħar, l-Imsida u l-Mosta kellhom l-akbar żieda ta’ residenzi f’dan il-perjodu, waqt li l-akbar żidiet ta’ residenti ġew irreġistrat f’San Pawl il-Baħar, Tas-Sliema u l-Imsida, f’dik l-ordni.
Min-naħa l-oħra, dawk il-lokalitajiet li rreġistraw l-aktar tnaqqis ta’ residenzi kienu l-Belt Valletta, l-Isla u San Lawrenz, Għawdex.