Kważi tliet mitt żagħżugħ u żagħżugħa saru sidien ta’ darhom grazzi għall-miżura tal-Home Deposit Scheme.
Dan qalu l-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali, Roderick Galdes waqt l-intervent tiegħu fil-Parlament, fis-seduta ddedikata għall-estimi tal-budget tal-Ministeru tiegħu.
Il-Ministru Galdes ta ħarsa wkoll lejn il-benefiċċju tal-kera li jgawdu minnu eluf ta’ familji u li bħalissa hemm ħamsa u tletin elf kirja attiva.
Qal, “Qed nagħmlu investiment massiċċ illum ta’ 8 miljun ewro f’sussidji, f’benefiċċju tal-kera li qed jirċievuh 3,000 familja u dak ifisser li min ma jikkwalifikaw għal housing soċjali għandu alternattiva fejn il-Gvern iħallas skont kemm taqla’ wkoll flus jew inkella mezzi finanzjarji.”
F’risposta lejn kummenti li għamlu membri tal-Oppożizzjoni dwar il-lista ta’ stennija, il-Ministru Galdes għamel aċċenn għad-differenza bejn iż-żewġ amministrazzjonijiet. Hu fakkar f’lista staġnata, awtorità tad-Djar mifluġa u riżorsi skarsi. B’kuntrast, dan il-Gvern bħalissa laħaq rekord ġdid tal-inqas nies li jinsabu fuq il-lista ta’ stennija fl-istorja ta’ pajjiżna.
Il-Ministru rrimarka li taħt Gvern Nazzjonalista, l-budget għal dan il-qasam kien biss ta’ żewġ miljun ewro għall-kuntrarju tal-akbar allokazzjoni li qiegħed jagħmel Gvern Laburista f’dan il-budget biex b’hekk għal sena oħra ser jiġu sostnuti dawk il-miżuri ta’ għajnuna kollha li qed igawdu minnhom il-poplu Malti u Għawdxi.
Waqt id-diskors tiegħu, Roderick Galdes ħabbar ukoll il-ħidma konġunta mal-Arċidjoċesi Maltija biex tiġi stabbilita l-Fondazzjoni ta’ Housing Affordabbli b’investiment ta’ tliet mitt elf ewro li ser toffri alternattivi lin-nies biex jinbena pont bejn dawk li għandhom dħul baxx u r-rati tas-suq.