Iċ-Ċentru għad-Donazzjoni tad-Demm fi Gwardamanġa wera l-gratitudni tiegħu għall-konkorrenza tajba ta’ donaturi tad-demm li taw is-sehem tagħhom matul is-Sibt u l-Ħadd li għadda wara appell urġenti minħabba skarsezza fil-Bank tad-Demm, partikolarment dak tat-tip O Positive.
Fil-fatt jirriżulta lil ONE News li tul tmiem il-ġimgħa li għadda, attendew mat-300 donatur b’kollox. Minkejja dan, l-appell jibqa’ wieħed validu kontinwament.
Bħalissa f’pajjiżna jibqa’ hawn nuqqas fil-provvista tad-demm, li joħloq riskju li jitwaqqfu l-operazzjonijiet minħabba tali disponibilità għall-pazjenti rikoverati fl-isptarijiet lokali.
ONE News iltaqa’ mas-Senior Staff Nurse Caroline Cassar miċ-Ċentru għad-Donazzjoni tad-Demm, li qaltilna li jekk ma niħdux azzjoni u nirreaġixxu billi nagħtu d-demm, din il-kriżi tibqa’ tippersisti.
Appellat bis-sħiħ biex aktar żgħażagħ, b’mod partikolari, jagħtu d-demm biex jimlew ir-riserva tad-demm.
“L-appell tiegħi minn qalbi hu, nżidu ż-żgħażagħ, għax, dawk li jagħlqu s-70 sena maż-żmien se jieqfu, jekk ma jkollniex iż-żgħażagħ li ħa jimlew dawk li waqfu, li ħabba raġuni ta’ saħħa ma jkunux imbagħad jistgħu jagħtu. Fl-aħħar mill-aħħar il-pazjenti mhumiex dawk il-pazjenti li jkollhom l-inċidenti, il-pazjenti tagħna huma pazjenti li regolarment jew minħabba kanċer jew minħabba operazzjonijiet jew minħabba it-Thalassemia jew minħabba il-problemi tal-kliewi, qed jieħdu d-demm regolarment.”
Caroline Cassar – Senior Staff Nurse
Dr Cassar esprimiet is-sodisfazzjon tagħha lejn dawk kollha li marru bi ħġarhom fil-jumejn tas-Sibt u l-Ħadd, iżda ħeġġet biex id-donaturi jibdew jattendu wkoll matul il-ġimgħa kollha.
Iċ-Ċentru għad-Donazzjonijiet tad-Demm fi Gwardamanġa jkun miftuħ kuljum bejn it-8:00 ta’ filgħodu u s-6.00 ta’ filgħaxija, waqt li d-donaturi jistgħu jitolbu għal trasport b’xejn billi jċemplu fuq in-numru 80074313.
Għal aktar informazzjoni, wieħed hu mitlub iżur is-sit uffiċjali tas-servizzi tas-saħħa https://healthservices.gov.mt/en/nbts/Pages/home.aspx u il-paġina tal-Facebook https://www.facebook.com/bloodmalta/