Residenti minn Ħal Balzan ilmentaw kif il-qtil ta’ numru ta’ ħamiem li sar ilbieraħ fl-istess lokal sar fil-ħin li t-tfal l-iktar jiffrekwentaw spazji miftuħa. Fil-fatt, ġenituri li tkellmu ma’ one.com.mt esprimew id-diżappunt għal din ix-xena fejn irġiel b’arma f’idhom kienu qed iduru u jisparaw fuq il-ħamiem li qed ikun meqjus minn ħafna bħala xi ħaġa li tagħmel il-ħsara u wieħed irid jeħles minnha.
Fil-Kunsill Lokali ta’ Ħal Balzan ma kienx hemm qbil dwar jekk għandiex tittieħed din il-miżura, bil-kunsillier Desmond Zammit Marmara jiddikjara l-pożizzjoni tiegħu kontra. Iżda, wara li ttieħdet id-deċiżjoni li ssir kienet ikbar ir-rabja għal mod kif saret.
“Jien fil-ħamiem ma nifhimx u jekk hemm bżonn li jitneħħew ikollhom jitneħħew. Iżda, l-affarijiet setgħu saru bi ftit iktar galbu u f’ħin aħjar. Mhux għaddejin nitfgħu l-ħamiem fil-borża, wara li nistennewh imut, qisu xejn mhu xejn,” qalilna missier li tkellem magħna.
Persuni oħra li mal-qtil ta’ dan il-ħamiem ma’ qablu xejn ma naqsux milli jkunu wkoll iebsa bil-mod kif sar.
“Il-kunsill immissu l-ewwel li għamel hu li-pogga pieni ħorox lil kull min jitma’ lill-ħamiem u mhux kulħadd jitfa’ l-ikel fejn ġie ġie. Jekk il-ħamiem ma jsibx ikel jibda jitlaq naqra naqra,” kiteb resident ieħor f’diskussjoni taħraq li żviluppat fuq facebook fejn is-suġġerimenti ta’ x’kellu jsir minflok dan il-pass ma naqsux.
Naturalment, kienet diskussjoni ta’ mitt bniedem mitt fehma b’persuna oħra tikteb: “Daqt nibdew nibku għal wirdien ukoll.”