Diversi temi li ddominaw pajjiżna u lil hinn minn xtutna fl-aħħar ġimgħat u xhur spiċċaw it-tema tal-karnival spontanju fin-Nadur. Dan hekk kif fil-lejla tal-Ġimgħa, ingħata bidu għal dan il-karnival f’Għawdex.
Il-Karnival Spontanju jilqa’ fit-toroq tan-Nadur massa kbira ta’ nies, b’kull tip ta kostum makabru, grottesk, tradizzjonali, modern, kontemporanju u satiriku.
Il-Karnival fin-Nadur huwa l-aktar wieħed popolari fil-pajjiż u jattira eluf ta’ persuni fuq medda ta’ 5 t’ijiem, u huwa magħruf li jniggeż ferm iżjed mill-Karnival iċċelebrat f’Malta. Mhux darba jew tnejn li xi kostum jew xi oġġett ikkawżaw kontroversja.
Fost il-kostumi li ntlibsu nsibu dawk ta’ Donald Trump u oħrajn tal-karattri Tinky Winky, Tipsy, Lala u Po mis-sensiela tat-tfal Teletubbies.
Fost kostumi oħra li jgħaddu xi botta jew tnejn lejn xi tema diskussa frekwenti f’pajjiżna insibu dawk li libsu ta’ cones tat-traffiku jew dawk li libsu ta’ ħaddiema tal-kostruzzjoni.
Ritratti: Anaca Photography