Tul tmiem il-ġimgħa – x’aktarx bejn il-Ġimgħa u s-Sibt billejl – masġar taż-Żebbuġ magħmul minn 36 siġra nqered kompletament f’att vandalu li twettaq fir-Riserva Naturali Foresta 2000 fil-Mellieħa. Is-siġar, li kienu ngħataw b’donazzjoni minn Din l-Art Ħelwa u tħawlu aktar minn tmien snin ilu, inqatgħu kollha u s-suspett huwa li dawn ġew issegati b’serrieq tal-elettriku li jindika li dan l-att vandalu kien ippjanat.
L-inċident, li twettaq f’dan il-proġett ta’ afforestazzjoni li huwa pubbliku, hu stmat li kkaġuna ħsarat li jammontaw għal madwar €3,600 f’danni u jsegwi numru ta’ atti vandali li din ir-riserva naturali ta’ BirdLife Malta sofriet fil-passat.
F’Settembru 2004, madwar 100 siġra nqalgħu mill-għeruq u saritilhom il-ħsara flimkien ma’ għadd ta’ ċnut u sinjali li hemm fir-riserva li hija kbira 104 ettari. Tul l-2006 fi tliet okkażjonijiet separati bejn Lulju u Settembru kien hemm diversi attentati ta’ ħruq fis-sit li tħalla vandalizzat. F’Mejju tal-2007, 3,000 siġra oħra nqatgħu tul il-lejl.
Aktar riċenti, f’April 2010, 104 siġriet saritilhom il-ħsara f’każ li wassal biex tliet kaċċaturi ġew ikkundannati u wara li appellaw ġew ordnati jħallsu multa ta’ €12,229.35 kull wieħed għall-involviment tagħhom. Apparti dawn l-atti vandali, f’każ separat f’April 2009 ranger safa fil-mira ta’ tiri sparati fir-riserva u kellu jiddaħħal l-isptar.
Filwaqt li jidher ċar li l-attakk ta’ tmiem il-ġimgħa li għaddiet fuq il-masġar hu attentat biex ifixkel il-ħidma ta’ BirdLife Malta, finalment mhu xejn ħlief attakk kontra s-soċjetà u l-interess komuni li ħalla dannu sostanzjali f’sit ta’ importanza ambjentali lokali li jilqa’ fih varjetà ta’ flora u fawna.
Il-pulizija ġew infurmati b’dan l-inċident.