Stħarriġ dwar l-użu tal-Malti u l-Ingliż fost aktar minn elf persuna ta’ bejn it-18 u t-80 sena wera li 97% tal-parteċipanti jqisu l-Malti bħala l-ilsien ewlieni tagħhom.
Anke jekk Malta hija esposta sew għall-Ingliż fil-ħajja ta’ kuljum, il-Malti xorta hu b’saħħtu ħafna fost iż-żgħażagħ.
L-istħarriġ tmexxa mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti u d-Dipartiment tal-Malti fil-Università, u sar b’kollaborazzjoni wkoll mal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika.
Punt interessanti li ħareġ mill-istudju hu li l-Malti u l-Ingliż jikkumplimentaw lil xulxin u jintużaw f’ċirkostanzi differenti. Fost oħrajn jidher li l-Malti jintuża aktar mill-Ingliż meta wieħed jitħaddet ma’ wliedu jew persuni oħra viċin tiegħu, bħall-ġenituri. Hawn spikka wkoll kif 37% tal-parteċipanti qalu li jużaw il-Malti fuq mezzi soċjali bħal Whatsapp, u jippreferu jsegwu teatru bil-Malti.
Min-naħa l-oħra, l-użu tal-Ingliż huwa prominenti fost il-Maltin meta qed jisimgħu l-mużika, jew jiktbu emails aktar formali. Skont l-isħarriġ, l-Ingliż hu popolari immens ukoll meta wieħed jiġi biex juża ATM jew jikteb kartolina.
L-istudju ħares ukoll lejn l-attitudni tal-pubbliku dwar iż-żewġ lingwi uffiċjali, u jidher li hemm qbil li siti elettroniċi ta’ Dipartimenti Goverattivi għandhom joffru għażla bejn iż-żewġ ilsna. Hawnhekk, 93% tal-parteċipanti qalu wkoll li fuljetti uffiċjali minn entitajiet governattivi jew banek għandhom jintbagħtu fid-djar kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż. Hemm sentiment komuni wkoll dwar prominenza akbar tal-lirika bil-Malti fuq l-istazzjonijiet tar-radju.
Dan apparti li ħafna mill-parteċipanti jqisu li reklami bil-Malti huma aktar effettivi.
Waqt il-preżentazzjoni tal-istudju ntqal ukoll li dan se jitfa’ dawl fuq oqsma oħra fejn hemm bżonn jissaħħu l-ħiliet fil-lingwi, anke skont rakkomandazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea.
Kemm id-Dipartiment tal-Malti kif ukoll il-Kunsill, qalu li se jibqgħu impenjati biex il-bilingwiżmu jkompli jissarraf fil-prattika.