Matul l-elfejn tnejn u għoxrin, l-ispiża tal-Malta Community Chest Fund telgħet għal kważi għoxrin miljun.
Dan ħabbru l-President ta’ Malta George Vella waqt li kien qiegħed jirrispondi mistoqsijiet tal-ġurnalisti fl-okkażjoni tal-August Moon Ball fil-Palazz Verdala.
Il-President spjega li, kull ma jmur, il-persuni li jirrikorru għall-għajnuna tal-Malta Community Chest Fund dejjem qed jiżdied kull sena, bl-ispejjeż ta’ pazjent wieħed kapaċi jlaħħqu l-mijiet ta’ eluf ta’ ewro, tant li matul is-sena li għaddiet splodiet ’il fuq.
“Fl-2015 kienet tinvolvi taħt il-miljun ewro. Is-sena 2018 kienet tinvolvi tmien miljun skorruti. Is-sena l-oħra kienet ’il fuq minn €19-il miljun kważi €20 miljun. Fl-2018 kellna ’l fuq minn 200 pazjent, fejn illum għandna 700 pazjent.”
Hawn il-President Vella spjega li hu, flimkien mas-Sinjura tiegħu, Miriam Vella jinsabu determinati li jiġbru l-fondi li hemm bżonn biex jissodisfaw it-talbiet li tirċievi din il-Fondazzjoni minn tant individwi u familji li jkunu għaddejjin minn ċirkostanzi ta’ mard u problemi soċjali.
Dr Vella fakkar ukoll li meta l-Community Chest Fund kienet daharha mal-ħajt, meta kien hemm bżonn il-mediċini, il-Gvern dejjem daħal biex jikkumpensa l-ispejjeż.
Hawn il-President Vella għamel referenza ukoll għall-artikli li dehru fuq xi siti soċjali, li hu sejħilhom bħala mhux ġusti.
“Li npinġu lill-Malta Community Chest Fund bħala xi ażjenda falluta, la qed tagħmel ġieħ lill-Community Chest Fund, la qed tgħin ħalli n-nies ikomplu jifhmu kemm hi kbira l-missjoni tagħha u lanqas tkun qed tgħin biex in-nies jżidu d-donazzjonijiet tagħhom.”
Waqt li faħħar is-solidarjetà tal-Maltin li sena wara oħra juru l-qalb kbira tagħhom, il-President Vella appella lill-poplu biex jikkontribwixxu fid-diversi inizjattivi li torganizza l-Fondazzjoni ħalli tkun tista’ tlaħħaq mat-talbiet kollha tan-nies li javviċinawha.