Mat-62,000 familja f’pajjiżna mill-ġimgħa li ġejja se jirċievu l-ħlasijiet rispettivi taċ-Children’s Allowance bil-benefiċċju mtejjeb din is-sena, flimkien mas-supplimentari, li b’kollox se jlaħħqu s-somma ta’ madwar €20 miljun.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, u s-Segretarju Permanenti fl-istess Ministeru, Mark Musù, enfasizzaw fuq il-bżonnijiet li jkollhom it-tfal f’pajjiżna qabel tibda s-sena skolastika ġdida.
Għalhekk din l-għajnuna kienet bdiet tingħata f’dan il-perjodu sa mill-2013, meta Gvern Laburista antiċipa l-pagamenti biex il-familji Maltin ikollhom f’idejhom tali ħlasijiet mistħoqqa.
Ġie spjegat kif, b’kollox tnejn u erbgħin elf familja se jkunu qed jibbenefikaw minn investiment ta’ €15.7 miljun, biex, f’sena, se jkunu gawdew minn €63 miljun. Din hi żieda ta’ madwar €13-il miljun fuq is-somma li ngħatat is-sena l-oħra.
Mill-ġimgħa d-dieħla wkoll, għoxrin elf familja se jkunu qed jirċievu mal-erba’ miljun ewro f’sussidji bħala supllimentari, biex b’hekk dawn se jkunu rċevew ammont komplessiv ta’ €16.5 miljun.
Għaldaqstant, tnejn u sittin elf familja se jkunu qed jirċievu mat-€80 miljun f’allowances li ma jinkludux il-COLA addizzjonali, l-In-Work Benefit, il-carers-grant u ċ-childcare bonus, b’dawn l-erbgħa tal-aħħar jammontaw għal €60 miljun.
B’kollox, il-Gvern se jkun investa madwar €140 miljun f’dan il-qasam.
Il-Ministru Falzon tenna kemm hu importanti li jitkompla l-investiment f’dan is-settur u għat-tfal tagħna, waqt li sostna li dak imwiegħed fil-manifest elettorali se jkun qed jitwettaq matul il-leġiżlatura.
“Il-pagamenti li ħabbarna huma kontinwazzjoni ta’ dak li ilna nagħmlu effettivament minn kemm ilha din l-amministrazzjoni, 11-il sena. Ħa nkunu qed inħallsu ċ-Children’s Allowance, li nfakkar li, fl-aħħar baġit, kien hemm żieda ta’ €250 għall kull wild fis-sena u qegħdin ukoll nagħmluhom antiċipati kif ilna nagħmlu, biex ngħidu hekk il-famuża ‘back to school’. Hu investiment b’saħħtu li aħna dejjem u l-ħin kollu qegħdin nagħmlu fis-soċjal, fil-qasam soċjali, u dejjem trid tinvesti fih.”
Il-Ministru Michael Falzon