Il-bibien tal-iskejjel kollha tal-Gvern, tal-Knisja u tal-Privat fetħu għal sena skolastika ġdida biex laqgħu aktar minn 61 elf student.
Illamtati minn fuq s’isfel u kuntenti li reġgħu ltaqgħu ma’ sħabhom tal-iskola, ma’ ONE NEWS l-istudenti qalu li jinsabu ħerqana biex b’determinazzjoni jgħelbu l-isfidi li ġġib magħha s-sena skolastika.
L-istudenti qassmu magħna wkoll dawk l-affarijiet li l-aktar jinsabu eċċitati għalihom din is-sena. Il-maġġoranza qalu li qed jistennew li jitgħalmu affarijiet ġodda filwaqt li hemm dawk li wasslu fl-aħħar sena tas-sekondarja li jafu li din is-sena ħa ġġib aktar xogħol minħabba l-eżamijiet tal-o levels li minn din is-sena mhux se jibqgħu jħallsu għalihom.
Il-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo li fost id-diversi skejjel li żar matul il-jum tal-Erbgħa żar ukoll il-middle school ta’ Ħal Tarxien u qal li se jitneħħew l-eżamijiet ta’ nofs is-sena mill-Year 4 sal-Year 8 u minflokk ser jissaħħaħ l-assessjar matul is-sena skolastika.
“Importanti ħafna din is-sena li hemm snin se jkunu qed jagħmlu sillabi ġodda. Qed tidħol ukoll is-sistema li nneħħu l-eżamijiet ta’ nofs is-sena biex l-istudenti ikunu qed jitgħalmu aħjar. Importanti li fl-aħħar minn l-aħħar inkunu qed inħejju t-tfal għal-ħajja li illum hija mimlija b’tant sfidi”.
Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Edukazzjoni qal li minn din is-sena skolastika, l-istudenti mhux se jibqgħu jħallsu għall-eżamijiet tas-SEC u l-MATSEC flimkien ma’ sillabi u programmi ta’ tagħlim ġodda u l-ewwel korsijiet fil-livell ta’ baċellerat u masters fl-edukazzjoni.
Is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-ministeru qal li eluf ta’ studenti tal-iskejjel tal-Knisja u indipendenti bdew jitwasslu l-iskola permezz ta’ tat-trasport b’xejn li beda jiġi offrut mill-Gvern. Filfatt, skola tal-Knisja partikolari ikkonfermat li żdiedu seba’ coaches oħra ma’ dawk li kien hemm fis-snin preċedenti. Dan is-servizz ġie milqugħ b’mod tajjeb u ħa jkompli jitjib fil-jiem li ġej.
“Mill-ewwel indikazzjonijiet li aħna ġbarna minn kull skola f’Malta jidher li l-proċess mexa pjuttost tajjeb kif xtaqna. Naturalment saqajna jibqgħu mal-art u it-teams konċernati għadhom iffukati biex naraw li s-servizz ikompli jitjib fil-jiem li ġejjin”.
Kif mistenni l-ewwel jum ta’ skola għat-tfal wasslet ukoll għal żieda fit-traffiku fit-toroq. Madankollu bosta setgħu jinnotaw kif permezz tal-assistenza minn uffiċjali Trasport Malta u pulizija li kienu qed jidderieġu t-traffiku, naqset drastikament il-problema ta’ toroq staġnati li normalment ikun hemm mal-bidu tal-iskola.
Dan flimkien mad-diversi toroq ġodda li tlestew bħala parti mill-proġett infrastrutturali li għaddej minnha pajjiżna.