Permezz ta’ ftehim ma’ 23 kunsill lokali madwar Malta, id-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni qed twettaq servizz essenzjali ta’ tindif tat-toroq f’diversi lokalitajiet. Fil-fatt kuljum, qed jiġu mnaddfa aktar minn 870 triq residenzjali.
Dan tħabbar waqt laqgħa mmexxija mill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika, Miriam Dalli, u s-Segretarju Parlamentari għall-Indafa Pubblika, Glenn Bedingfield.
Dan is-servizz, li ilu fis-seħħ għal dawn l-aħħar sentejn, qed jagħti riżultati tajbin ferm, inkluż tnaqqis ta’ 40% fl-ilmenti lid-diviżjoni.
Din il-laqgħa serviet bħala opportunità biex il-kunsilli lokali jesprimu l-isfidi partikolari li jista’ jkun qed jiffaċċjaw fl-indafa pubblika u jinstabu soluzzjonijiet konkreti.
Dan kollu jagħmel parti mill-impenn tal-Gvern biex ikompli jsaħħaħ ir-rabtiet mal-kunsilli u jiżgura li r-residenti jkollhom ambjent aktar nadif u organizzat.

Id-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni, Ramon Deguara, spjega kif id-diviżjoni qed tevalwa u tanalizza kull talba li tirċievi mingħand il-kunsilli biex tassigura li r-riżorsi u l-ħaddiema meħtieġa jkomplu jiġu allokati bl-iktar mod effiċjenti.
Min-naħa tagħhom, is-Segretarju Parlamentari Glenn Bedingfield u l-Ministru Dalli ħeġġew lill-kunsilli jersqu ’l quddiem bi proposti għat-titjib fil-lokalitajiet tagħhom, inkluż bi proġetti sostenibbli u dawk ta’ spazji miftuħa.