Matul is-sena li għaddiet, il-maġġoranza assoluta ta’ vetturi ġodda fit-toroq tagħna, jew kważi 60%, kienu dawk li jniġġsu l-inqas, bejn elettriċi jew hybrid. Dan grazzi wkoll għall-inċentivi abbundanti offruti mill-Gvern Laburista.
Dan mhux biss poġġa lil Malta mal-aktar pajjiżi li introduċew dawn it-tip ta’ vetturi fit-tnax-il xahar tal-2023 fl-Unjoni Ewropea, skont statistika uffiċjali tal-Eurostat, iżda wkoll ferm ipoġġina ferm ogħla mill-medja Ewropea ta’ ftit iżjed minn 48%.
Il-pajjiżi b’rati aħjar minn dawk ta’ pajjiżna kienu tal-aktar żviluppati fl-Unjoni Ewropea, il-Finlandja, l-Iżvezja u d-Danimarka, flimkien mal-Olanda u l-Belġju, b’Malta tikklassifika fis-sitt post.
Kienu biss disa’ pajjiżi Ewropej li s-sehem tal-vetturi favur l-ambjent qabeż il-50% fl-2023.
Kontra n-narrattiva tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista, hu ovvju li l-poplu Malti u Għawdxi qed ikompli jgawdi mill-inċentivi tal-Gvern b’mod partikolari fix-xiri ta’ vetturi elettriċi.
Dan bil-għan li sseħħ il-qalba tant bżonnjuża favur l-ambjent, anke permezz tal-aħjar pakkett ta’ fondi Ewropej li qatt ġie nnegozjat.
Ir-riżultati pożittivi lokali ġew irreġistrati minkejja wkoll li pajjiżna kien l-uniku wieħed li, fl-aħħar snin, żamm stabbli l-prezzijiet tal-fuels konvenzjonali tal-petrol u d-diesel permezz tas-sussidji fil-kriżi tal-enerġija.
Għax-xiri ta’ kull vettura elettrika f’pajjiżna, il-Gvern joffri s-somma ta’ €11,000 b’mod awtomatiku u €12,000 jekk din tinxtara f’Għawdex, minbarra €1,000 oħra għal karozza antika li tiġi skrapjata.
L-istatistika tal-Eurostat tisħaq li l-vetturi ġodda rreġistrati fl-Unjoni Ewropea kollha ammontaw għal 10.7 miljun, bil-maġġoranza tagħhom jew 34.5% kienu dawk tal-petrol biss, segwiti mill-hybrids bi ftit inqas minn 34%, waqt li l-karozzi elettriċi laħħqu l-14.5%.
F’Malta, mill-karozzi kollha ġodda rreġistrati, ix-xiri ta’ vetturi hybrid laħħaq it-38%, waqt li dawk elettriċi l-20%.