Fit-tielet kwart ta’ din is-sena, l-għadd ta’ passiġġieri tal-cruise liners, li waslu f’pajjiżna, ammontaw għal 348,268.
Dan ifisser żieda ta’ 55.8%, meta mqabbel mal-istess perjodu fis-sena ta’ qabel.
Din is-sena rat ukoll żieda ta’ 11-il cruiseliner li żaru l-port maestuż ta’ pajjiżna, f’dan il-perjodu, hekk kif f’din is-sena daħlu f’pajjiżna 108 bastimenti simili.
Iż-żewġ swieq ewlenin mill-Unjoni Ewropea kienu l-Italja u l-Ġermanja.
Il-passiġġieri nisa ammontaw għal mija u erbgħa u tmenin elf, tliet mija u ħamsa (184,305), u b’hekk kienu jagħmlu 52.9% ta’ dawk li vvjaġġaw lejn pajjiżna.
36.9% kienu jagħmlu parti mill-grupp tal-età bejn l-40 u d-59 sena.
Sadanittant, b’rabta ma’ dawn iċ-ċifri pożittivi, tkellimna ma’ Stephen Xurereb, li hu l-Kap Eżekuttiv tal-Valletta Cruise Port, li ta r-reazzjoni tiegħu.
Qal, “Dis-sena kienet waħda pożittiva ħafna. Fil-fatt, eċċediet l-aspettattivi tagħna, għax fil-baġits tagħna konna daqsxejn aktar kawti, peress li hija s-sena ta’ ikrupru sew, wara s-sentejn tal-pandemija. Is-sena l-oħra, ovvjament erġajna bdejna, din is-sena, kienet b’saħħitha, però li ġara huwa li anke n-numru ta’ passiġġieri abbord il-vapuri, eċċedew l-aspettattivi tagħna.”
Żied jgħid li din is-sena, hija mistennija li tilħaq l-2019, li kienet sena rekord għat-turiżmu.
Qal, “Nistennew li din is-sena se tkun viċin l-2019, jiddependi kollox, issa x’se jiġri fl-aħħar, qisu xahar u nofs li fadal tas-sena. Kellna feedback tajjeb ħafna anke min-nies tal-belt, li l-effett tal-cruiselines qed jerġa’ jinħass, anke fuq in-negozju fil-belt Valletta.”
Xuereb aċċenna wkoll għall-investiment tax-shore-to-ship.
Qal, “Biex nissuplixxu l-vapur biex inkunu jistgħu jaqbdu mal-grid. Fil-ġimgħat li ġejjin għandna xi vapuri, li se jkunu qed jippruvaw is-sistema, u jekk Alla jrid mis-sena d-dieħla, se nkunu nistgħu nibdew inħaddmuha, biex ikun hawn nuqqas ta’ tniġġis fl-arja.”