Marzu ta’ din is-sena kien l-iżjed xahar rekord fil-bejgħ tal-propjetà minn Jannar 2017.
Fi stqarrija, l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi, l-MDA qalet kif matul ix-xahar li għadda kien hemm 2,108 konvenji, b’valur ta’ €487 miljun.
Meta mqabbel ma’ Marzu tas-sena li għaddiet, kien hemm żieda ta’ 87% fl-ammont ta’ bejgħ tal-propjetà, filwaqt li l-valur żied b’€255 miljun.
L-MDA qalet kien hemm żieda f’dawk ix-xerrejja li qed jixtru t-tieni propjetà tagħhom.
Fost dawk li kien hemm żieda fid-domanda kienu dawk li xtraw art agrikola u anke dawk li xtraw djar li għandhom magħhom spazju fuq barra jew anke ġnien.
Intqal ukoll kif kien hemm żieda fid-domanda ta’ dawk li xtraw propjetà f’Għawdex.
L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi nnutat ukoll kif minkejja l-pandemija hemm dawk in-negozji u n-nies, li normalment ma jinvestux fil-qasam tal-proprjetà, li issa qed jinvestu f’dan il-qasam.
Intant il-Prim Ministru Robert Abela fuq twitter qal li bħala medja, f’kull ġurnata tax-xogħol, f’Marzu ġew iffirmati mitt konvenju.
Dan huwa d-doppju tal-medja tal-aqwa xahar ta’ qabel il-pandemija.
Saħaq ukoll li l-valur tal-proprjetà mibjugħa fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena huwa wkoll aktar mill-valur tal-ewwel kwart u t-tieni kwart tas-sena l-oħra magħduda flimkien.