Il-kandidata Laburista Mary Gauci nediet il-kampanja tagħha għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f’attività li matulha wriet l-impenn tagħha lejn il-ħarsien soċjali.
F’attività li għaliha attenda l-Prim Ministru Joseph Muscat fit-Teatru tax-Xghajra, f’Ħaż-Żabbar, Mary Gauci tkellmet dwar il-gruppi soċjali u edukattivi li ħolqot f’diversi lokalitajiet.
Saħqet li dawn il-gruppi għandhom jikkollaboraw flimkien u jagħmlu promozzjoni ta’ x’servizzi jeżistu biex il-familji u individwi jkunu konxji fejn għandhom ifittxu għajnuna jekk ikollhom bżonn kemm huma u kemm nies qrib tagħhom.
Il-kandidata Laburista li hija minn Għawdex iffurmat team ta’ avukati, psikologi, social workers u professjonisti oħra fejn fost oħrajn josservaw x’qiegħed isir barra minn Malta fil-Ħarsien Soċjali, jistudjaw l-aspett lokali u joffru suġġerimenti lill-awtoritajiet konċernati Maltin.
Gauci qalet li flimkien mal-Ispettur Sandro Camilleri qed iwaqqfu fondazzjoni TIBQAX VITTMA li li tindirizza każijiet ta’ ingustizzja, u tiggwida gruppi ta’ appoġġ.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat faħħar dan il-kunċett interessanti fil-ħidma ta’ Mary Gauci u qal li l-proġetti tagħha qed iservu ta’ integrazzjoni bejn nies li ġejjin minn postijiet, abbiltajiet u sfond differenti.
Dr Muscat ta ħajr lil Gauci u ħeġġiġha tkompli b’ħidmietha u qal li din hija l-politika, li tixhed servizz għal ħaddieħor biex ittejjeb il-ħajja ta’ kulħadd bla ma tistenna xejn lura.