Il-President għar-Riċerka Politika tal-Partit Nazzjonalista Martina Caruana, żarmat mill-Partit Nazzjonalista.
Hija ħabbret dan fuq il-profile tagħha fuq Facebook hekk kif irrimarkat li skadilha t-terminu tagħha fil-kariga ta’ President għar-Riċerka Politika.
Minkejja dan Caruana, ma kitbet imkien li se tkun qed tinvolvi ruħha b’xi mod ieħor fil-Partit Nazzjonalista, iżda qalet li issa se tkun qed tiffoka fuq il-karriera legali tagħha.
B’hekk hija ngħaqdet ma’ numru ta’ persuni oħrajn li kienu fost l-eqreb tal-Kap, u li rriżenjaw wara l-akbar telfa elettorali tal-Partit Nazzjonalista mill-Indipendenza l-hawn.
Dawn jinkludu l-idejn il-leminija ta’ Bernard Grech Ray Bezzina, li huwa l-Eks Chief of Staff ta’ George Pullicino u li kien il-Kap tas-Segretarjat ta’ Bernard Grech u Chris Peregin.
Dan tal-aħħar kien responsabbli mill-kampanja elettorali tal-Partit Nazzjonalista.
Dawn iż-żewġ protagonisti rriżenjaw propju wara t-telfa elettorali tal-Partit Nazzjonalista hekk kif il-Partit Nazzjonalista uża il-miġja tal-Papa Franġisku f’pajjiżna sabiex jostor dawn l-iżviluppi negattivi li bdew iseħħu fi ħdanu mingħajr ħafna daqq tat-trombi fuqhom.
Fil-fatt, Caruana fuq Facebook, irringrazzjat mhux biss lil Kap Bernard Grech, iżda anke lil Ray Bezzina li fi kliema għallima kif il-bidla ssir minn ġewwa.
Ma’ dawn il-persuni, riżenja oħra sinifikanti fl-aħħar xhur fil-Partit Nazzjonalista, kienet dik ta’ Jeremy Gingell li kien ħaġa waħda mal-Kap.
Is-sorsi tagħna fid-Dar Ċentrali kienu sostnew li Gingell, Peregin, u Bezzina kienu ntgħażlu direttament minn Bernard Grech u daħlu fil-Partit b’ħafna pretensjonijiet kaġun tal-arja li tahom il-Kap.
Tant hu hekk li s-sorsi tagħna komplew jgħidu kif huma ħolqu diżgwid sħiħ fost il kandidati u issa, wara l akbar telfa li ġarrab il Partit, qed jaħarbu ’l hemm wieħed wara l-ieħor u jaħsbu għal ġildhom.
F’Diċembru li għadda kien irriżenja wkoll id-Direttur tal-Informazzjoni, Alessandro Farrugia, li wkoll kien fdat ħafna minn Grech.
Dwar it-tluq ta’ Caruana, imkejjen fid-Dar Ċentrali komplew jesprimu r-rabja tagħhom għall-fatt li Caruana, bħal Bezzina u Peregin qabilha, “kienet fost l-aktar li gawdiet fid-Dar Ċentrali u li issa fiż-żminijiet id-diffiċli ħasbet għal rasha u remiet lill-Partit.”
Din l-istess rabja kienet riflessa fil-konfront ta’ Chris Peregin li skond rapporti tħallas mas-€60,000 mill-Partit Nazzjonalista minkejja l-problemi finanzjarji kbar li kien hemm fl-istamperija.