L-eks Chairman tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Ogħla Martin Scicluna ddikjara li d-deċiżjoni tal-bord immexxi minnu fil-ħruġ ta’ liċenzja għall-Università Amerikana f’Malta kienet ibbażata fuq parir li ngħata minn akkademiċi ta’ esperjenza u kompetenza kbira.
Is-Sur Scicluna qal dan f’artiklu f’The Times li fih wieġeb għal akkużi infodati li l-ewroparlamentari Nazzjonalista David Casa għamel fil-konfront tal-Kummissjoni li hija waħda awtonoma.
Dwar it-trasferiment tal-art, is-Sur Scicluna qal li din ma kellha x’taqsam xejn mal-Kummissjoni u li r-responsabbiltà unika tal-bord kienet li tassigura li l-applikazzjoni biex titwaqqaf l-università kienet issegwi proċess rigoruż għall-akkreditazzjoni skont il-liġijiet ta’ Malta.
Fakkar li l-proċess ta’ akkreditazzjoni dam għaddej sentejn sħaħ. Qal li dan sar skont il-liġijiet tal-pajjiż li kienu jobbligaw proċess ta’ verifika u proċeduri li jassiguraw il-kwalità tal-edukazzjoni għolja skont kriterji Ewropej.
B’ironija, is-Sur Scicluna qal li bħala espert tas-saltna tad-dritt, Casa japprezza li l-proċess ta’ akkreditazzjoni li ġie segwit kellu jkun konformi mal-liġijiet tal-pajjiż.
Qal li fid-deċiżjoni li ħa l-bord mmexxi minnu, il-bord kellu x-xorti li ġie ggwidat minn kumitat ta’ esperti ta’ kwalità kbira u ta’ prinċipji morali b’saħħithom biex jagħmlu evalwazzjoni tal-applikazzjoni.
Fost dawn l-esperti fil-qasam edukattiv kien hemm il-Professur John Portelli mill-Università ta’ Toronto, li kien ukoll membru tal-Bord tal-Kummissjoni. Fil-proċess kienu involuti wkoll Dr Tatyana Chircop, Dr Alex Grech, il-Professur Chris Haslam, Dr Alex Rizzo, il-Professur Tanya Sammut Bonnici u l-Professur Alfred Vella, illum rettur tal-università ta’ Malta.
“Nittama li Casa jaqbel li l-kwalità tal-parir li ngħata l-bord tiegħi u li ġie segwit bil-punt u l-virgola, ħareġ minn akkademiċi ta’ esperjenza u kompetenza kbira u li kien tal-ogħla livell”, qal Scicluna.
Apparti dan saħaq li d-deċiżjoni ttieħdet fi proċess mill-aktar rigoruż u trasparenti.
Semma li fl-għoti tal-liċenzja, il-bord ħareġ sittax-il kundizzjoijiet iebsa preċizament biex jassigura li f’każ li l-investituri jonqsu milli jimxu magħhom, il-Kummissjoni jkollha l-poteri bħala istituzzjoni indipendenti bil-liġi li tirtira l-liċenzja.