Ċar kristall dwar kif fit-tlieta ta’ Ġunju rridu ngħażlu bejn Joseph Muscat u Simon Busuttil, l-opinjonista u ħassieb Martin Scicluna kiteb il-ħsibijiet tiegħu dwar il-karattru tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Fit-Times of Malta qal li t-test tal-aħħar erba’ snin kien dwar kif Simon Busuttil esprima t-tmexxija tiegħu b’mod nazzjonali.
Hemm numru ta’ deċiżjonijiet li ttieħdu fl-aħħar erba’ snin li jitfgħu dubju dwar il-ġudizzju ta’ Simon Busuttil u jekk għandux karattru b’saħħtu biex imexxi l-pajjiż.
Martin Scicluna semma tnejn biss biex ta’ eżempju ta’ dan.
Qal li fil-każ tal-Unjoni Ċivili nqabad f’maltempata politika interna. “Id-deċiżjoni li jastjeni – l-iktar pożizzjoni dgħajfa li seta’ ħa – kienet kawża tal-qasmiet fil-partit tiegħu li hu naqas milli jġib flimkien,” qal Scicluna fl-artiklu tiegħu.
Eżempju ieħor li semma kien dak tar-referendum dwar il-kaċċa. Jinnota kif Simon Busuttil spiċċa jsegwi lil Joseph Muscat anke jekk hu (Busuttil) jgħid li jemmen mod ieħor. “Bħad-deċiżjoni fuq l-unjoni ċivili ma kienet tagħmel ebda sens morali jew politika, iżda uriet biss dgħjufija,” qal Scicluna.
Martin Scicluna jgħid li l-kuraġġ li wieħed jieħu d-deċiżjonijiet huwa bżonjuż f’mexxej u jinnota li hawn Busuttil falla.
“Taħt pressjoni, li hi inevitabbli, fil-politika, ma spikkax,” kiteb Scicluna.
“He cracked,” biex inkomplu nużaw kliemu eżatt.
Qal li minflok wera li hu bniedem sod wera li hu mingħajr esperjenza u għandu istint fqir.
Imbagħad tkellem dwar kwistjonijiet oħra. Jinnota kif jirkeb fuq kull karru li jiġi jekk hux l-ambjentalisti bl-ODZ jew inkella l-qlajjiet ta’ dik li Martin Scicluna jiddeskrivi bħala ‘hate blogger.’
Scicluna jinnota li anke fuq il-Panama u Egrant Simon Busuttil m’aġġixxiex kif jaġixxu politiċi maturi.
“Iżda, it-traġedja l-kbira hi li bbaża l-allegazzjonijiet kollha tiegħu fuq individwu li mhix magħrufa għall-imparzjalità,” qal Martin Scicluna li nnota kif Kap tal-Oppożizzjoni għandu jinvestiga l-fatti.
Jinnota kif lill-avversarju politiku tiegħu jiddeskrivih bħala kriminal (“villain”). “Id-diskors ta’ Simon Busuttil xejn ma kien jixbah dak ta’ statistà.
“Malta għandha bżonn bniedem ta’ karattru biex ikun Prim Ministru,” kiteb Scicluna filwaqt li żied li Simon Busuttil huwa xi ħadd li jipprova jirkeb fuq kull karru li jkun qed idur.
“Jidher li huwa ostaġġ ta’ xi ħadd li l-kredibbiltà tagħha hija suspettuża minħabba l-viżjoni kontra l-labour tagħha,” kompla jikteb Scicluna li temm jgħid li l-politika hija dwar deċiżjonijiet. Tenna li f’għaxar t’ijiem irridu ngħażlu bejn il-kwalitajiet ta’ min se jkun il-Prim Ministru li jmiss. “Se tkun dwar il-karattri ta’ Busuttil u Muscat,” temm jgħid il-ħassieb li kull nhar ta’ Erbgħa jikteb fit-Times of Malta.