B’vot unanimu d-disa’ ġurati ma sabux lil Martin Dimech ta’ sebgħa u ħamsin sena miż-Żejtun ħati bi traffikar u pussess ta’ droga eroina.
Fl-elfejn u disgħa ħames basktijiet li fihom madwar disa mija u ħamsa u għoxrin gramma ta’ eroina, instabu fil-kompartimenti esterni ta’ żewġ fridges fid-dar fejn il-Prosekuzzjoni qed tallega li l-akkużat jgħix. Il-Pulizja ġiet infurmata b’dan permezz ta’ telefonata anonima.Tlett ijiem ilu l-avukati Veronique Dalli u Edward Gatt li dehru għal Dimech wrew il-ħsibijiet tagħhom dwar inkosistenzi tal-provi b’mod partikolari l-fatt li l-miżien li nstab fir-residenza ma ġiex ssiġillat qabel ma dan intbagħat għand l-esperti forensiċi kif ukoll il-fatt li l-fridges li fihom instabet id-droga qatt ma ġew elevati minn fuq il-post għall-eżamijiet ulterjuri.
Il-ġurati semgħu ukoll kif ma nstabu l-ebda impronti diġitali fuq il-boroż u d-droga misjuba.
Mix-xhieda tal-Ispettur irriżulta li ngħataw verżjonijiet differenti quddiem il-Maġistrat inkwerenti u l-Qorti Kriminali, dwar is-sorveljanza li saret fuq Dimech.
Din waslet lid-difiża sabiex tqajjem mistoqsijiet dwar liema xhieda għandha titqies l-iktar kredibbli: jekk hux dik li ngħatat ġimgħa wara l-każ, fejn intqal li Dimech kien ilu jiġi ssorveljat għal xahrejn jew dik li ngħatat disa’ snin wara, fejn intqal li s-sorveljanza ma kinitx konsistenti u ma damitx iktar minn ħmistax u għoxrin jum.
L-Imħallef Antonio Mizzi wissa lill-ġurati li ma jistgħux jinvestigaw il-każ, u jsibu provi oħra li ma jeżistux.
Wara tlett ijiem ta’ deliberazzjoni, b’vot unanimu l-ġurati kollha ma sabux lil Dimech ħati.