Ix-shadow minister tal-Partit Nazzjonalista, Marthese Portelli, ma tafx x’tagħmel bit-tanker jekk jitla’ Gvern Nazzjonalista. Dan irriżulta waqt il-programm Dissett meta għall-mistoqsijiet kontinwi tal-preżentatur ta’ x’jagħmel il-Partit Nazzjonalista jekk jirbaħ il-Gvern hi ma weġbitx u qalet biss li tippubblika l-istudji, li fil-verità se jkunu ppubblikati l-ġimgħa d-dieħla.
Portelli la qalet li Gvern ta’ Simon Busuttil iżomm it-tanker u lanqas li ma jżommux, anke jekk konta tiegħu saru protesti u għadd kbir ta’ attivitajiet u inizjattivi oħra. Portelli ma weġbitx lanqas meta Reno Bugeja staqsiha għal darba wara oħra min hu korrott b’rabta ma’ dan il-proġett ladarba qed jingħad li t-tanker huwa monument tal-koruzzjoni. Iżda, anke hawn ma kinetx kapaċi twieġeb u tkellmet fuq għadd ta’ temi li ma kellhomx x’jaqsmu.