Fl-aħħar Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista ħafna staqsew dwar deputati li kienu assenti f’laqgħat importanti inkluż meta tkellmu l-ogħla uffiċjali tal-Partit Nazzjonalista. Kien hemm min fid-Dar Ċentrali li ma qagħadx kwiet qabel ifittex sodisfazzjon.
It-tagħrif li wasal għand il-gazzetta KullĦadd isostni li waqt li l-Kap Adrian Delia kien qed jagħmel id-diskors tal-Ħadd filgħodu, li għalih kien wieħed importanti ħafna, id-Deputat Marthese Portelli kienet qiegħda f’restaurant, Għawdex.
Jirriżulta li fid-Dar Ċentrali kien hemm rabja kbira għal dan l-aġir għax ma setax intbagħat messaġġ iktar ċar u dirett li Portelli setgħet qed tiġi taqa’ u tqum mid-diskors tal-Kap tagħha. Diskors li tant tqajmet aspettattiva għalih li mill-istamperija taw storja lil The Malta Independent on Sunday li Delia kien se jħabbar il-viżjoni tiegħu għall-pajjiż. Viżjoni li baqa’ ma ħabbarx. Biex Marthese Portelli ma tilfitx wisq.
Skont l-imkejjen tagħna mhux il-każ li Portelli seta’ kellha xi ħaġa importanti wisq għax fir-restaurant ta’ qarib tagħha dehret tati daqqa t’id, f’xi ħinijiet anke ħierġa bil-platti. “Ma kinetx l-unika waħda li ġiet taqa’ u tqum. Imma ħadd ma stenna li tagħmilha daqshekk ovvja li ma kinetx qed tipparteċipa. Il-Kunsill Ġenerali hu l-iktar laqgħa importanti f’sena sħiħa,” qalu s-sorsi tagħna li kkonfermaw kif kien hemm oħrajn li m’attendewx filwaqt li ma tawx raġunijiet validi għal dan. Fissru kif minn żmien għall-ieħor joħorġu fil-beraħ il-qasmiet fil-Partit Nazzjonalista u fakkru li wara d-diskors ta’ Robert Arrigo fl-istess Kunsill Ġenerali qamu iktar mistoqsijiet dwar il-qasma fil-PN, tant li Robert Arrigo spiċċa jappella lil deputati tal-PN stess biex ineħħu l-profili foloz li permezz tagħhom qed jattakkaw kontinwament lil nies fil-Partit Nazzjonalista stess.
Dan kollu ġara ftit tal-jiem wara li mill-Partit Nazzjonalista rriżenja Ivan Bartolo, li Delia nnifsu kien ħatru biex jaħdem fuq pjan ta’ negozju. Pjan li sa issa donnu għadu ma telaqx.
Għax kif qal Robert Arrigo nnifsu fil-PN jiġri dak li jkunu jridu Jean Pierre Debono, Kristy Debono jew Herman Schiavone. Problema, iddeskriviehom il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Arrigo.