Il-mara tan-Nutar Ivan Barbara appellat mid-deċiżjoni tal-Maġistrat li ssir inkjesta sabiex tkun investigata l-possibilità li f’ħajtu, in-Nutar wettaq miżappropjazzjoni ta’ fondi tal-klijenti tiegħu u frodi.
L-inkjesta ġiet ordnata wkoll fil-konfront ta’ mart in-Nutar.
Ir-raġuni wara l-appell huwa li mart n-Nutar qed tgħid li hija ma kinitx involuta għal dak li kien jagħmel żewġha f’xogħlu.
Mart in-Nutar, Rosanne Barbara Zarb qalet li l-klijenti ma rnexxielhomx jipprovaw rabta bejnha u bejn l-allegat reati ta’ żewġha.
In-Nutar Barbara kien ġie rappurtat li miet bil-Covid-19 waqt li kien l-Indja biex hu u martu jadottaw tifla u wara mewtu martu rrinunzjat il-wirt.
Il-klijenti tan-Nutar, Matthew Sacco u Simon u Valerie Mallia talbu li ssir inkjesta wara li kienu taw lil Barbara ċekkijiet li jammontaw għal €30,650, b’rabta ma’ konvenju li kienu ffirmaw.
Dawn ma kinux l-unika klijenti tiegħu li qed jgħidu li l-flus tagħhom depożitati miegħu sparixxew.
Mart in-Nutar stqarret anke permezz tal-Avukati tagħha li l-unika rabta li għandha mal-allegat reati hija frott iż-żwieġ li kellha man-Nutar u li għalhekk din il-konnessjoni hija kważi irrelevanti.
Hija stqarret li fl-istess uffiċċju tan-Nutar Barbara kien hemm Nutar ieħor u li kien ikun jaf b’dak kollu li jkun għaddej filwaqt li kellu aċċess għal kull dokument u kien involut fl-ipproċessar tal-flus li kienu jirċievu.
Rosanne Barbara Zarb, li hija accountant, qalet li hi u żewġha dejjem kienu jeżerċitaw il-professjoni tagħhom b’mod separat minn xulxin u ċaħdet kull allegazzjoni li hija kienet tieħu ħsieb il-kontijiet ta’ żewġha.
Hija ċaħdet ukoll l-allegazzjoni li l-flus tal-klijenti ġew użati biex ikun ifinanzjat il-proċess tal-adozzjoni tat-tifla mill-Indja.