Mart il-Prim Ministru, Dr Lydia Abela se tinnomina liż-żagħżugħ Jake Vella għal Ġieħ ir-Repubblika bħala rikonoxximent nazzjonali għall-impatt pożittiv li ħalla fuq is-soċjeta Maltija bil-kuraġġ u l-enerġija tiegħu.
Lydia Abela tat din l-aħbar fir-residenza tal-ġenituri ta’ Jake f’Birżebbuġa u wara li tkellmet mal-istess ġenituri.
Mart il-Prim Ministru fissret lil Jake bħala altruwist straordinarju, li minkejja l-isfidi, dejjem ra kif jagħmel biex iferraħ lil ħaddieħor, speċjalment dawk li m’għandhomx vuċi.
Il-ġenituri ta’ Jake laqgħu din l-aħbar b’emozzjoni u rringrazzjaw lil mart il-Prim Ministru għal dan il-ġest. Esprimew ukoll l-apprezzament tagħhom għall-mod kif mijiet kbar ta’ nies qed jagħżlu li jkunu xhieda tal-influwenza pożittiva li ħalla Jake fil-ħajja tagħhom.