Qed ngħixu żminijiet mhux tas-soltu li huma ta’ sfida għal kull wieħed u waħda minna. Kliem mart il-Prim Ministru, Dr. Lydia Abela f’messaġġ ta’ kuraġġ li hi tat lill-poplu Malti u Għawdxi fid-dawl tal-imxija tal-coronavirus f’Malta.
Hawnhekk ma naqsitx milli turi l-apprezzament tagħha lejn il-ħaddiema fis-soċjetajiet tagħna li għadhom għaddejjin b’ħidmiethom, partikolarment dawk fil-qasam tas-saħħa.
Hija kellha wkoll messaġġ għall-anzjani li bħala prekawzjoni ntalbu joqogħdu d-dar.
Mart il-Prim Ministru stqarret, “Nixtieq inwasslilkom kelma ta’ kuraġġ. Din hija miżura temporanja u daqt jasal iż-żmien li terġgħu tingħaqdu mal-maħbubin tagħkom.”
Dr. Abela kellha messaġġ ta’ kuraġġ ukoll liċ-ċkejknin li qed jaġġustaw ruħhom għal rutina differenti minħabba li għalqu l-iskejjel. Hija ħeġġet biex dawn iżommu kuntatt ma’ sħabhom tal-iskola u anke mal-qraba tagħhom permezz tat-teknoloġija. Għodda li qed tagħmel tajjeb ukoll biex it-tfal jibqgħu għaddejjin bit-tagħlim tagħhom.
Hi tenniet,”Ejjew nippruvaw inħarsu lejn il-pożittiv ta’ dan kollu. Bħala ġenituri għandna aktar ħin ma’ uliedna. Jiena omm ukoll, u jien u Giorgia qed nużaw dan il-ħin biex aktar minn qatt qabel nibdu relazzjoni. Qed nagħmlu attivitajiet flimkien li qabel minħabba l-iskola ta’ Giorgia u x-xogħol tiegħi ma kienx ikollna ċans nagħmluhom.”
Fuq kollox, mart il-Prim Ministru fakkret li jekk xejn, din il-pandemija globali iddefiniet il-valuri sodi tal-poplu tagħna, u għallmitna napprezzaw is-sempliċità, u napprezzaw lil xulxin kif inhu xieraq.
Hawnhekk temmet b’appell biex aħna lkoll insegwu l-pariri tal-awtoritajiet tas-saħħa.
“F’din is-sitwazzjoni m’mhemm xejn isbaħ milli nżommu kuntatt u ngħolli l-moral ta’ xulxin u nibqgħu pożittivi. F’ismi, f’isem Georgia u Robert, grazzi tal-kuraġġ li qed tagħtuna. Tal-kuraġġ li qed turu u li ċerta li se tkomplu turu fiż-żmien li ġej.” Ikkonkludiet tgħid.