Marsaxlokk ħasdu lil Hamrun Spartans meta għelbuhom bl-iskor ta’ 2-1.
B’hekk issa l-Ispartans tilfu l-ewwel post tal-klassifika għas-spejjeż ta’ Floriana li wara rebħa ta’ 2-0 kontra Sliema Wanderers, jinsabu huma fil-kmand tal-klassifika b’51 punt, żewġ punti vantaġġ fuq l-istess Hamrun.
Hamrun kellhom lil Ryan Camenzuli nieqes, hekk kif għadu qed jirkupra minn injury li sofra fil-partita preċedenti kontra Mosta, li fiha l-Ispartans ħarġu rebbieħa bl-iskor kbir ta’ 4-0.
Kien biss fl-20 minuta li waslet l-ewwel azzjoni denja ta’ nota fil-partita, b’Hamrun ikunu huma li joħolqu l-periklu d-daqqa ta’ ras ta’ Uros Duranovic mill-viċin ġiet salvata mill-goalkeeper ta’ Marsaxlokk, Marko Drobjnak. Huma komplew jattakkaw u fl-34 minuta, xutt tal-istess Duranovic quddiem lasta vojta ġie devjat f’corner minn difensur tax-Xlukkajri.
Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, Marsaxlokk ħarġu ferm aggressivi u ta’ dan ġew ippremjati meta fil-51 minuta rebħu penalty meta Joseph Essien Mbong waqqa’ lil Yuri de Jesus Messias fil-kaxxa. Mill-11-il metru inkariga ruħu l-istess Yuri De Jesus Messias li ma żbaljax.
Hamrun wieġbu fis-56 minuta meta Uros Durnaovic kellu l-freekick tiegħu salvat mingħajr diffikultá minn Drobnjak. L-Spartans komplew jafsu u minuta biss wara, Luke Montebello, kellu x-xutt tiegħu salvat tajjeb minn Drobnjak, li ħareġ barra minn postu biex interċetta kull periklu.
Hamrun Spartans ġabu l-iskor indaqs tard fil-partita eżattament fis-87 minuta meta wara li rċeiva minn cross mil-lemin, Roko Prsa, kien fil-post it-tajjeb fil-mument opportun u permezz ta’ daqqa ta’ ras preċiża tefa’ ġewwa.
Iżda kellhom ikunu Marsaxlokk li jkollhom l-aħħar kelma fil-partita meta fil-ħin miżjud, Samuel Boakye permezz ta’ daqqa ta’ ras preċiża minn taħt il-lasta tefa’ ġewwa, biex tefa’ lil-partitarji Xlukkajri f’delirju ta’ ferħ.
Referee: Ishmael Barbara
BOV Plejer tal-Logħba: Yuri De Jesus Messias (Marsaxlokk FC)