Fis-Santwarju tal-Madonna ta’ Pompei f’Marsaxlokk, se jiġi ċċelebrat il-mija u ħamsa u għoxrin anniversarju mit-twaqqif ta’ din il-parroċċa.
Dan l-anniversarju speċjali se jiġi ċċelebrat fost l-oħrajn permezz ta’ kunċert tal-orgni, li ġie rrestawrat riċentament permezz ta’ fondi Ewropej.
Fis-Santwarju, l-Organista Edric Micallef sostna li dan l-anniversarju ħabat f’data speċjali għalih, hekk kif huwa se jkun qed jgħalaq it-tletin sena anniversarju mindu beda jistudja id-daqq tal-orgni.
Għalhekk, huwa spjega kif fl-erbgħa ta’ Diċembru, il-kunċert tal-orgni se jkun wieħed speċjali għalih ukoll: “Jien nixtieq li dal-kunċert iservi, kemm biex jieħu pjaċir min jattendi għalih, kif ukoll biex nippromwovi din il-parti tal-liturġija fil-Knisja, is-servizz tal-mużika bħala parti mil-liturġija tal-Knisja. Tajjeb li jkun hawn min jagħti dan is-servizz għax il-litruġija tal-Knisja tiġi ħafna aktar animata, ħafna aktar sabiħa permezz tas-servizz tal-orgni.”
Intant, il-Kappillan ta’ Marsaxlokk, Fr Luke Seguna, stqarr li dan l-anniversarju jirrapreżenta wkoll mija u ħamsa u għoxrin sena ta’ storja ta’ din il-komunità u n-nies li jgħixu fiha.
Għalhekk stqarr li l-Parroċċa f’dan l-anniversarju se tkun qed tiċċelebra s-servizz li tagħti lill-komunità: “Nixtiequ li proprju nkunu ta’ xhieda f’dawk il-valuri Nsara, mhux biss billi nagħtu lill-oħrajn, imma anke biex noffru s-servizzi kollha tagħna u l-ħiliet kollha tagħna lil dawk li jistgħu jieħdu sehem minnhom. Naħseb din kapaċi tkun mod tajjeb kif niċċelebraw dan l-anniversarju b’mod sabiħ.”