Marsaxlokk huma l-leaders il-ġodda tal-Kampjonat Premier wara rebħa fuq Sliema Wanderers li mmaturat fit-tieni taqsima meta x-Xlukkajri rkupraw minn goal żvantaġġ biex ħarġu rebbieħa 2-1.
Kienu Marsaxlokk li dehru l-aħjar fl-ewwel ħinijiet fejn ħolqu l-ewwel periklu fil-5 minuta meta xutt ta’ Alex Gomes De Aguiar ġie mxellef f’corner mill-goalkeeper Slimiż Emeka Adu.
Fl-14-il minuta l-istess De Aguiar xeħet għoli mill-qrib bil-plejers Xlukkajri jipprotestaw għal penalty fuq l-istess De Aguiar fl-azzjoni konklussiva tiegħu imma r-referee Alex Johnson ħalla l-logħob għaddej.
In-naħa l-oħra minuta biss wara Sliema fetħu l-iskor meta Adam Magri Overend avvanza fuq il-lemin qabel deher li aktar ipprova jikkrossja l-ballun milli jixxuttja, bil-ballun jixxellef minn De Aguiar u jqarraq bil-goalkeeper Matthew Calleja Cremona biex spiċċa fix-xibka.
L-istess Magri Overend kellu ċans ieħor tajjeb fit-30 minuta meta sab ruħu żmarkat minn pass ta’ Simon Zibo imma xxuttja għoli.
Fit-43 minuta rega’ kien De Aguiar li pprova jtemm azzjoni personali imma deher jaqa’ meta ħareg fuqu Emeka Adu biex l-azzjoni sfumat.
Sliema ħolqu l-ewwel azzjoni perikoluża fit-tieni taqsima permezz ta’ azzjoni personali ta’ Mohamed Awad li x-xutt tiegħu ġie salvat mill-Calleja Cremona.
Iżda fid-59 minuta wasal il-goal tad-draw għal Marsaxlokk meta rebħu freekick barra l-kaxxa u Leandro Aguirre għeleb lil Emeka Adu direttament mill-freekick.
Fis-70 minuta Marsaxlokk reġgħu resqu qrib minn azzjoni ta’ corner mogħti minn Aguirre iżda d-daqqa ta’ ras mill-qrib ta’ Karl Micallef ġiet salvata mill-goalkeeper Slimiz.
Madankollu fis-76 minuta x-Xlukkajri skurjaw dak li kellu jkun il-goal tar-rebħa bl-awtur tal-goal ikun Alex Gomes De Aguiar li għeleb lil Emeka mill-qrib wara li rċieva pass tajjeb mingħand Luca Emanuel Lopez.
Sliema resqu qrib li jgibu d-draw fid-90 minuta meta minn cross ta’ Simon Zibo it-tentattiv ta’ Kyrian Nwoko għadda sbrixx ma’ sieq il-lasta.
Referee: Alex Johnson
Player tal-Loghba: Steven Pisani (Sliema W.)