Marsaxlokk ħasdu lil Hibernains meta għelbuhom bl-iskor minimu ta’ 1-0 u b’hekk kisbu post fis-semi-finali tal-IZIBET FA Trophy, waqt li eliminaw lill-istess Pawlisti minn din it-tieni l-aktar kompetizzjoni importanti u prestiġjuża fil-football lokali.
Kien biss fid-19-il minuta li waslet l-ewwel azzjoni denja ta’ nota b’Marsaxlokk ikunu huma li joħolqu l-periklu meta minn cross-shot ta’ Tiago Adan Fonseca, ħadd mill-players sħabu ma rnexxielu jagħmel kuntatt mal-ballun, li finalment intemm barra.
Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, ix-Xlukkajri ħarġu ferm aggressivi u fit-48 minata, Fabian Santiago Moracci indirizza cross fid-direzzjoni ta’ Ayrton Attard li kellu x-xutt mill-ewwel tiegħu minn ġol-kaxxa jgħaddi jħakkek ma’ sieq il-wieqfa.
Huma komplew jippressaw u fit-63 minuta appellaw għall-penalty, il-goalkeeper Kroat tal-Pawlisti, Marko Jovicic, deher iwaqqa’ lil Tiago Adan Fonseca fil-kaxxa iżda r-referee Andrea Sciriha ħalla l-logħob għaddej. L-azzjoni kompliet, u l-istess Jovicic kellu clearance erratika bil-ballun jintemm għand LEANDRO AGUIRRE li venven xutt mill-isbaħ mid-distanza li ma tal-ebda ċans lill-istess goalkeeper tat-team minn Raħal Ġdid, biex irriżulta wieħed mill-isbaħ goals tal-istaġun, b’dan il-goal, m’hemmx dubju li se jkun kontendent ewlieni għall-unur tal-‘Goal tas-Sena’.
Iżda l-Pawlisti ma rmewx ix-xugaman, anzi wettqu reazzjoni mmedjata u fit-82 minuta, Jurgen Degabriele, venven xutt kważi minn tarf il-kaxxa, li ħareġ l-aħjar tal-goalkeeper Serb ta’ Marsaxlokk, Marko Drobnjak, li dawwar f’corner bi bravura.
Huma komplew fuq l-offensiva u fis-87 minuta, xutt ta’ Joao Vitor De Oliveira ħabat ma’ sieq il-wieqfa, biex mir-rebound Jurgen Degabriele minn taħt il-lasta tefa’ ġewwa, iżda r-referee Andrea Sciriha, ħassar dan il-goal minħabba offside.