Marsaskala komplew bit-triq tal-progress meta kisbu rebħa tajba ta’ 4-2 kontra s-selezzjoni Maltija ta’ taħt it-18-il sena. Ma kinitx logħba faċli għall-Iskalin biż-żgħażagħ Maltin li dejjem baqgħu fil-logħba u kien biss fl-aħħar li ċedew l-armi.
Għall-Iskalin Amir Ashtiyani, Craig Pickard, Owen Duca u Alessio Restuccia filwaqt li Maximilian Tomasuolo u Luca Suda irrispondew għas-selezzjoni Maltija ta’ taħt it-18-il sena. Referees kienu Danilo Francalanza u Antonio Cassar.
Sliema Futsal kisbu l-ewwel rebħa tal-istaġun wara skor ta’ 5-4 kontra l-ġirien Gżira United. Kif jindika r-riżultat, kienet logħba ferm bilanċjata bejn żewġ timijiet li qed jokkupaw l-aħħar pożizzjonijiet fil-klassifika. Sa tmiem l-ewwel taqsima, il-Maroons kienu qed jirbħu 3-2 iżda fit-tieni taqsima, il-Blues tjiebu ferm u qalbu l-iskor favurihom.
Wissam El Zaredi u Rajed Najem skorjaw doppjetta kull wieħed għal Sliema b’Faisal Alnakuoo li wkoll niżżel ismu fost l-iskorers. Felipe Andres Aguilera kien awtur ta’ doppjetta għal Gżira bi Clayton Micallef u Nazzareno Abela li żiedu aktar gowls għat-tim tagħhom. Referees kienu Clinton Cassar u Marco La Rosa