Omm ta’ 22 sena minn Birkirkara ingħatat il-libertà proviżorja wara li ġiet akkużata li għamlet rapport falz fil-konfront ta’ raġel fejn qalet li kien stupraha kif ukoll li kienet serqitlu €1500 fi flus kontanti.
L-ispettur Joseph Busuttil qal lill-qorti li l-mara marret l-għassa tgħamel rapport falz wara li kellha x’taqsam mar-raġel u serqitu. Għalekk huwa akkuża lill-mara li għamlet rapport falz, li ħadet ġurament falz u b’serq aggravat.
Wara talba mill-avukat tagħha il-qorti ordnat li isem il-mara ma jkunx jista jixxandar fil-media hekk kif din kellha tarbja ta’ tmintax –il xahar. It-tfajla ċaħdet l-akkużi fil-konfront tagħha u l-avukat talab għall-ħelsien mill-arrest. L-avukat stqarr li ma kienx hemm riskju li tinfluwenza lix-xhieda hekk kif dawn kienu pulizija u esperti tal-qorti. Stqarr ukoll li hi għandha tarbija x’tieħu ħsieb u ħass li fuq allegazzjoni ta’ terza persuna din m’għandhiex tinżamm arrestata. L-ispettur oġġezzjona għal dan fejn qal li mhux kull min għandu tifel għandu jingħata l-ħelsien mill-arrest.
Il-qorti preseduta mil-Maġistrat Dr Monica Vella qalet li dawn kienu akkużi serji u mhux sempliċiment teħel multa u teħles minnhom. Madankollu hi ddeċidiet li tagħti l-liberta proviżorja lit-tfajla fuq garanzija personali ta €10000. Hi ġiet ordnata tiddepożita il-karta tal-indentita fil-qorti kif ukoll tmur tiffirma fl-għassa tal-pulizija darbtejn fil-ġimgħa.